137 membru tal-Assoċċjazzjoni tal-Istudenti tal-Inġinerija (UESA) ħabbru li qablu b’mod unanimu fuq numru ta’ proposti li għandhom jitressqu wara t-tħabbira ta’ bidla fil-warrant tal-inġinerija. Ħafna mill-proposti huma talba sabiex jiġu ċċarati l-affarijiet, u biex jiġu inklużi fid-diskussjoni l-istudenti tal-Università ta’ Malta.

Dan wara li l-Gvern ħabbar li l-istudenti tal-MCAST se jkunu jistgħu jiksbu l-warrant tal-Inġinerija.

Dawn il-proposti tressqu waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja, fejn qalu wkoll li l-istess punti se jitressqu quddiem il-Kamra tal-Inġiniera (CoE), il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Bord tal-Inġinerija, il-Fakulta tal-Inġinerija, kif ukoll entitajiet oħra konċernati.

Il-punti huma dawn:

  • Hemm nuqqas ta’ trasparenza fuq il-kontenut tal-kors tal-inġinerija li se joffru MCAST;
  • L-istudenti tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta ma ġewx konsultati dwar il-bidliet;
  • Għalkemm il-Ministeri pruvaw jissodisfaw l-istudenti tal-MCAST, iżda ħadd ma ta każ l-istudenti tal-Università;
  • Mhuwiex ċar min se jakkredita l-kors tal-MCAST.

Il-UESA ikkonkludew billi esprimew id-diżappunt tagħħhom fil-kummenti tal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo dwar l-istudenti tal-inġinerija fl-Università.

X’ġara eżatt? 

Il-Gvern ta’ Malta ħabbar li se jsiru bidliet fil-warrant tal-Inġinerija, partikolarment li issa se jkunu eliġibbli għalih l-istudenti tal-MCAST. Il-kors tal-MCAST se jinbidel, u se jkun hemm ukoll programm apparti għal dawk li diġà gradwaw, sabiex ikunu eliġibbli.

Però, l-Kunsill għall-Istudenti Universitarji (KSU) u l-UESA qalu li hemm nuqqas ta’ trasparenza dwar il-kors kif se jinbidel, kif ukoll il-programm x’se jkun jinkludi, hekk kif tiġi li l-istudenti tal-MCAST se jiggradwaw fuq l-istess livell ta’ dak tal-Università, avolja hemm diskrepanzi kbar fir-rekwisti biex tidħol fil-korsijiet rispettivament.

Huma kkonkludew billi qalu li jkunu kuntenti jekk il-korsijiet jiġu fuq l-istess livell, u mhux wieħed eħfef mill-ieħor.