Il-Gvern għandu jibda minnufih u bla dewmien biex jintroduċi l-avviżi legali li kellhom jidħlu biex jiġu implimentati l-provvedimenti tal-liġi dwar stili ta’ ħajja sana li kienu mressqa mid-Deputat tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar u li kienu approvati mill-Parlament f’Jannar tal-2016. Dan qalu l-kelliem tal-Oppożijzzjoni kontra l-Obeżità, Ryan Callus wara li Malta kkwalifikat fost l-ewwel pajjiżi bl-ogħla rati t’obeżità.

Callus qal li  din il-liġi tħalliet fuq l-ixkaffa minkejja l-effetti pożittivi li tista’ tħalli warajha fil-ġlieda kontra l-obeżità. Fost l-inizjattivi tagħha, il-liġi dwar stili ta’ ħajja sana , toffri bażi legali biex jitwettqu miżuri immirati għas-soċjetà kollha, fosthom attivitajiet fid-djar u ċentri ta’ magħtul il-jum u użu ta’ spazji miftuħa biex jinbidlu f’open-air gyms.

Skont Callus, l-oppożizzjoni lesta li taħdem id f’id mal-Gvern biex il-kwistjoni tiġi ndirizzata u b’hekk jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex il-Maltin ikunu aktar b’saħħithom.