Kelliema għall-Pulizija kkonfermaw li bħalissa għaddejja investigazzjoni interna fejn qed tkun investigata s-sezzjoni tal-Pulizija, l-RIU dwar il-każ li seħħ quddiem il-bibien tal-Awtorità tal-Ippjanar ilbieraħ. Il-Pulizija qalet li f’dan l-istadju tal-investigazzjonijiet ma jkunx prudenti li jingħataw aktar kummenti dwar dak li qed jiġri.

Ilbieraħ xi attivisti marru jipprotestaw kontra l-applikazzjoni biex issir pompa tal-petrol fiż-Żejtun u spiċċaw imkaxkra ‘l barra mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Pulizija. Waqt li ġew imkaxkra ‘l barra, jidher li uħud mill-attivisti ġarrbu xi ġrieħi.

M’għandux ikun hemm kliem ta’ kundanna li l-unika skop tiegħu hu li jkunu gwadanni punti populisti għall-iskop politiku – L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Maltija.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Maltija qalet li filwaqt li ma tistax ma tinnutax b’dispjaċir il-kummenti ta’ kundanna li saru mill-Priminisru Joseph Muscat, qalu li dawn il-kummenti ma jistgħux isiru biex issir ħsara u qabel ma tkun inqatgħet il-kundanna ta’ x’ġara eżatt.

Fid-dawl ta’ dak li ġara, l-Assoċjazzjoni qalet li mill-filmati li dehru fil-midja lokali, ma jidher imkien li l-Pulizija użat forza żejda mal-protestanti li daħlu fil-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar. Fi stqarrija, l-Pulizija qalet li dawn inħarġu b’mod fiżiku wara li naqsu li joħorġu waħedhom wara ordni li ingħatatilhom.

L-Assoċjazzjoni qed issaqsi lill-politiċi ta’ x’għandu jsir f’każi bħal dawn, u jippretendux li l-Pulizija tibqa’ passiva u tħalli lil kulħadd jagħmel dak li jrid.