Il-barikati  tal-Pulizija li kienu mdawra mal-Monument tal-Assedju l-Kbir tneħħew. Ir-ritratti juru li l-barikati telqu għal kollox iżda l-ħitan li ttellgħu, tal-injam jidher li se jibqgħu hemm.

Il-Monument tal-Assedju l-Kbir kien il-post fejn attivisti kontra l-korruzzjoni iltaqgħu biex jitolbu ġustizzja għall-assasinazzjoni tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Nhar il-Ħamis ittella’ ħajt tal-injam bil-għan li jsiru xi “xogħlijiet ta’ restawr”.

Id-dikjarazzjoni tal-metodu tar-restawr għad irid jiġi magħruġ hekk kif Newsbook.com.mt ipprova jitkellem mal-awtoritaijiet ikkonċernati biex isir magħruf aħjar x’se jsir.

Fi żmien jumejn, se jsir il-viġilju li jimmarka l-11-il xhar mindu sar l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Il-viġil se jsir propju fil-Pjazza quddiem il-Monument tal-Assedju u qed ikun organizzat minn Occupy Justice u Manuel Delia.

Il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici kien mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-bażi legali wara li tpoġġa ħajt tal-injam madwar il-monument kollu. Huwa qal li dan sar biex ikunu jistgħu jibdew xi xogħolijiet ta’ restawr u permezz tal-injam, il-ħaddiema se jkunu qed jitħallew jagħmlu xogħolhom fil-paċi.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-ħajt tal-injam beda jitpoġġa filwaqt li xi entitajiet kienu għadhom qed ipoġġu xi kurunu taħt il-monument nhar it-8 ta’ Settembru. Il-Pulizija marret fuq il-post biex tara x’kien qed jiġri u skont is-sorsi, il-Pulizija derhet li ma kinitx infurmata dwar id-deċiżjoni.