X’jiġri meta omm tkun tqila imma ma tkunx trid it-tarbija u l-missier ikun iridha? U jekk dan kollu jkun kaġun ta’ diżgwit ikbar fil-familja? Hu possibli li t-tfal iġibu tama ġdida fil-familja?

Dawn huma wħud minn temi u sitwazzjonijiet realistiċi fis-soċjetà tal-lum li se jkunu indirizzati fil-produzzjoni teatrali ‘Sfumat’. Alex ma jidher imkien. Jidher biss fil-kliem u fl-azzjonijiet ta’ dawk ta’ madwaru, l-iktar ta’ missieru Charles u bintu Maria. B’hekk l-udjenza se tkun tista’ tifforma l-opinjoni tagħha fuqu u fuq kif tiżvolgi l-istorja. Dan joħloq kunflitt kontinwu bejn il-konkret u l-astratt, bejn dak li jidher u dak li ma jidhirx, bejn dak li jintqal u dak li jibqa’ mistur.

‘Sfumat’ hi produzzjoni teatrali tal-Oratorju Salesjan f’Tas-Sliema u se tara s-sehem ta’ atturi żgħażagħ, akkumpanjati minn mużika u koreografija oriġinali. Din il-produzzjoni se tittella’ nhar il-Ġimgħa 28 u s-Sibt 29 ta’ Settembru fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema filwaqt li se jkun hemm aċċess għal parkeġġ b’xejn fil-grawnds tal-iskola St.Patrick’s ħdejn it-Teatru. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna tal-produzzjoni fuq Facebook filwaqt li aktar informazzjoni dwar il-biljetti tinsab hawnhekk.