Ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt safa attakkat minn ħaddiem tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika quddiem il-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15pm meta l-ġurnalist Christoph Schwaiger lemaħ ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika jneħħu l-istrixxun li tellgħu l-attivisti dalgħodu mad-dawra tal-monument tal-Assedju l-Kbir.

Il-ħaddiem tad-Dipartiment mar fuq il-ġurnalist u ordnalu jieqaf jiffilmja u ħin minnhom ħadlu l-mowbajl minn idejh.

Iktar tard, l-uffiċjal involut mar l-għassa jieħu l-affarjiet li ħallew l-attivisti. Kien hemmhekk li ltaqa’ mal-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt li kien qed jagħmel rapport. L-uffiċjal talbu skuża u qallu li billi żammlu idejh biex ma jieħux filmati u ritratti ma jqisux bħala attakk.

Dalgħodu Newsbook.com.mt xandar filmati LIVE minn quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fejn numru ta’ attivisti poġġew lura l-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Strixxun kbir bil-kitba “Ġustizzja” u l-bandiera ta’ Malta u wiċċ Caruana Galizia tpoġġa minn numru ta’ attivisti għall-ħabta tal-10.30 dalgħodu fuq l-injam li għatta l-monument tal-Assedju l-Kbir ġimgħa ilu.

Fuq il-monument għal diversi xhur kien jitpoġġa ritratt tal-ġurnalista, diversi xemgħat u fjuri.

Il-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt Christoph Schwaiger spjega eżatt x’ġara f’xandira dirett mill-Belt ftit wara l-inċident: