“In-nies qamu għax eluf ta’ residenti jaraw dan il-proġett bħala theddida kibra għall-kwalità bażika tal-ħajja tagħhom” qalu rappreżentanti minn 12-il għaqda, 3 Kunsilli Lokali, u residenti li nġabru jipprotestaw kontra l-proġett tad-db fejn qed ikun propost li minflok l-iskola tal-ITS jinbena torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular.

Ir-rapprezentant tal-Moviment Graffitti Andre Callus qal li din il-kwistjoni tikkonċerna l-princpju fundamentali ta xi jridu ċ-ċittadini li jsir mill-ispazju f’Malta. Qal li dan jgħodd b’mod specjali meta tkun involuta art pubblika. Ir-rappreżentanta tal-għaqda Din l-Art Ħelwa qalet li d-daqs tal-proġett huwa kbir wisq.

Ir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi kif ukoll 12-il għaqda differenti ltaqgħu quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn flimkien mar-residenti ressqu l-aħħar appelli tagħhom qabel ma’ l-Ħamis li ġej, il-Bord tal-Awtorità jiddeċiedi jekk il-proġett għandux jiġi approvat.

Dawk li pprotestaw fakkru kif il-proġett se jwassal biex jinħolqu dellijiet twal u wesgħin. Qalu wkoll li l-proġett se joħloq diżastru ekoloġiku. “Effettivament id-db Group irid jipprivatizza l-blat tal-Bajja ta’ San Ġorġ. Dan imur kontra l-Liġi tad-Dominju Pubbliku” qalu dawk li nġabru. Semmew ukoll li l-impjant li se jkun qed jagħmel il-konkrit għall-proġett se joħloq “trab irqiq ħafna li jagħmel ħsara kbira lis-saħħa”.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent oġġezzjonat formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iżvilupp propost għaż-żona tal-bajja ta’ San Ġorġ. L-oġġezzjonijiet jinsabu hawn.

L-art inkwistjoni għaddiet f’idejn il-grupp db għad-99 sena li jmiss.

L-istqarrija li rreferew għaliha fil-protesta ġiet iffirmata mir-residenti ta’ Pembroke u 12-il għaqda mhux governattiva: Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Moviment Graffiti, Nature Trust (Malta), Ramblers’ Association, Friends of the Earth (Malta), BirdLife Malta, Bicycle Advocacy Group (BAG), The Mindful Warriors, Żminijietna – Leħen ix-Xellug, Attard Residents Environmental Network (AREN), u Kamp Emerġenza Ambjent.