Jidher li se jonqos il-parkeġġ fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex, hekk kif ħareġ it-tender għax-xogħlijiet. Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din is-sejħa qed issir wara li tfassal il-proġett  bl-għajnuna ta’ konsultazzjoni pubblika. Madankollu, fil-filmat jidher li se jonqos biċċa parkeġġ sew. Il-filmat ġie ppubblikat fuq is-sit tal-Ministeru għall-Għawdex.

Il-proġett fir-Rabat se jikkumplimenta l-proġett tat-taraġ ta’ San Franġisk, kif ukoll iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid li qed isir fil-binja ta ħdejn it-taraġ. Għalhekk, iż-żona kollha se tiġi riġenereta, kif spjegat il-Ministru Caruana.

It-tender tax-xogħlijiet ġie ppubblikat hawn. Is-sottomissjonijiet għandhom isiru sal-10 ta’ Ottubru skont l-istruzzjonijiet u l-indikazzjonijiet mogħtija.

Din mhix l-unika pjazza li se jsir xogħlijiet fiha, hekk kif il-ħidma fuq il-Pjazza ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija daqt jibda. Il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar ġie konkluż, u s-sejħa għall-offerti wkoll qed tiġi konkluża.

Il-Ministru Caruana saħqet li dawn iż-żewġ proġetti huma parti minn Proġett Għawdex, proġett li jassigura li n-nies t’Għawdex ikollhom komunitajiet aċċessibli. Hawn taħt hawn il-filmat li żvela l-Ministeru għall-bidliet fil-pjazza tax-Xewkija.