Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota favur il-proġett f’Pembroke mill-Grupp db. 10 ivvutaw favur u 4 kontra.

Min ivvota favur?

  • Ir-rappreżentant tal-Gvern Clayton Bartolo
  • Iċ-Ċermen tal-ERA Victor Axiak
  • Id-Deputat Ċermen Elizabeth Ellul
  • Desiree Cassar
  • Matthew Pace
  • Simone Musù
  • Timothy Gambin,
  • Jacqueline Gili,
  • Joseph Brincat
  • Ivan Tabone

Min ivvota kontra?

  • Iċ-Ċermen tal-Bord tal-PA Vince Cassar
  • Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili
  • Ir-rappreżentanta tal-NGOs Annick Bonello
  • Ir-rappreżentanta tal-PN Marthese Portelli

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt is-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli qal li “l-monstru” mhux ikrah biss imma se jkun ta’ inkonvenjenza f’termini ta’ infrastruttura u traffiku. Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal li huwa diżilluż spċjalment wara li kien qed jisma’ l-preżentazzjonijiet mill-Periti u l-Case Officer. Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili kkummenta dwar il-bażi legali tal-proġett. Qal ukoll li l-Awtorità kellha rwol ta’ medjatur bejn l-iżviluppatur u r-residenti. Isma’ dawn il-kummenti f’dan il-filmat:

15:34 Jittieħed il-vot. Il-proġett f’Pembroke jiġi approvat: 10 favur, 4 kontra. Dawk li vvutaw kontra l-proġett huma l-MP Marthese Portelli, ir-rappreżentanta tal-NGOs Annick Bonello, iċ-Ċermen Vince Cassar u s-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili. Kommossjoni kbira fis-sala:

15:18 Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili qal li l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali hi magħrufa. Staqsa kif l-iżviluppaturi se jaħdmu biex inaqqsu l-impatti negattivi fuq ir-residenti. Qal li minkejja li hemm l-ittra ta’ impenn għall-mina, dan jista’ ma jsirx. Staqsa x’jista’ jiġri jekk il-mina ma tiġix approvata jew ma titlestiex sa meta jitlesta l-proġett. Il-Perit Mugliett qal li Infrastructure Malta hija kommessa li taħdem fl-istess ħin li jkun qed isir ix-xogħol fuq il-proġett.

15:02 L-MP tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli saħqet li l-Gvern ma żammx il-wegħda tiegħu dwar il-masterplans u li dan qed jikkawża frustrazzjonijiet kbar. Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien diġà ħabbar li r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-proġett.

14:56 L-MP tal-Gvern Clayton Bartolo qal li waqt li l-masterplan kien bżonnjuż, l-applikat m’għandux jiġi ppenalizzat. Bartolo staqsa dwar il-ħin meħtieġ biex f’każ ta’ emerġenza jaslufuq il-post il-Pulizija, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-ambulanza. Iddeskriva l-proġett bħala villaġġ fih innifsu.

14:35 Ir-rappreżentanta tal-NGOs Annick Bonello fakkret li s-sit huwa regolat minn direttiva dwar l-abitat. Iċ-Ċermen tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Victor Axiaq qal li filwaqt li japprezza x-xogħol tagħha, saħaq li l-ekoloġija fl-inħawi ftit li xejn se tkun mittiefsa.

14:21 Iċ-Ċermen Vince Cassar qal li ma jaqbilx mat-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta’ binja skedata. Spjega li ma jistax jaqbel ma’ dawn l-affarijiet “għax nafu x’jiġri”.

14:16 Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg jaqra ittra ta’ impenn li ntbagħtet mill-Gvern u iffirmata mill-Ministeru għat-Trasport Ian Borg.

14:13 Il-Perit tal-proġett, Jesmond Mugliett saħaq li l-ispazji miftuħa huma għall-pubbliku u li dan imur kontra l-allegazzjonijiet li l-komunità mhu se tibbenefika xejn mill-proġett.

13:41 L-MP Godfrey Farrugia qal li l-proġett se jiġi approvat meta la hemmx masterplan nazzjonali jew masterplan għall-Paceville. Staqsa lill-bord kif jinsab f’pożizzjoni li japprova applikazzjoni meta t-trasferiment tal-art qed jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali. Irrimarka li bla mistħija, l-iżviluppatur u l-case officer marru għas-smigħ b’rapport li fih 12-il punt ta’ ksur ta’ policy jew proċedura.

13:32  Resident jiftaħ strixxun bil-kliem Don’t bury us alive – Tidfnuniex ħajjin. Iċ-Ċermen qallu kemm-il darba biex jagħlaq l-istrixxun.

13:27 Andre Callus mill-Moviment Graffiti qal li l-organizzazzjoni ddokumentat il-vannijiet bil-ħaddiema tad-db Group li marru għas-smigħ. Iddeskriva lill-iżviluppaturi b’nuqqas ta’ immaġinazzjoni hekk kif spiċċaw ħallsu lill-ħaddiema tagħhom biex imorru jappoġġjawhom. Staqsa hux loġiku li jiġi approvat il-proġett qabel il-mina.

13:25 Claire Bonello minn Flimkien Għal Ambjent Aħjar talbet għall-kjarifika dwar Żona C li fiha se jkun hemm il-Lido.

13:13 L-akkademiku Adrian Grima, li hu wkoll resident f’Pembroke, li saħaq li Pembroke mhux tar-residenti ta’ Pembroke imma ta’ Malta. Wissa lil Bord li jekk jivvutaw favur il-proġett, ikunu qed jivvutaw favur il-ftit żviluppaturi sinjuri li qed jgħaddu minn fuq ir-residenti bħallikieku kienu dubbien. Resident ieħor li jgħix fi Triq Walter Ganado qal li l-proġett se jfisser titjib għal Pembroke u għall-ekonomija. Żied jgħid li l-inħawi huma abbandunati.

13:12  Tqum titkellem mara mill-pubbliku, u tistaqsi lill-Bord min se jħallas għall-mina, jekk hux l-iżviluppatur jew min iħallas it-taxxa.

13:05 Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat irrefera għaż-żieda fit-traffiku li jħalli impatt negattiv fuq il-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet tal-madwar.

13:00 Il-kandidat tal-PN għall-Elezzjonijiet Ewropej Michael Briguglio insista li s-Social Impact Assessment kellu jsiru minn soċjologi. Irrimarka dwar nuqqasijiet fl-istudju li ma jirreferi qatt għall-4,000 oġġezzjoni li saret mill-pubbliku.

12:57 Prof. Arnold Cassola argument li l-PA kellha tinvestiga kif dan is-sit għadda għand l-iżviluppatur.

12:55 L-MP Karol Aquilina qal li llum ir-residenti lanqas biss ġew ikkunsidrati. Iddeskriva l-proġett bħala “mostruż”. Appella lill-bord tal-PA biex ma jispiċċax ibbuljat mill-iżviluppatur u jivvota favur dan il-proġett.

12:50 Il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, jirreferi għall-masterplan li baqa’ fuq l-ixkaffa, iżda l-proġetti jibqgħu jiġu approvati.

12:45 Jasal il-ħin biex jitkellem il-pubbliku. Iċ-Ċermen ħabbar li se tinġabar il-lista ta’ kelliema u wara li titlesta’ jintgħażlu dawk li se jkollhom ċans jitkellmu.  Fosthom hemm l-MP Nazzjonalista Karol Aquilina, l-MP tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, l-Eks Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola, Adrian Grima – resident u Andre Callus mill-Moviment Graffiti. Kull kelliem kellu 3 minuti ċans biex jgħaddi l-messaġġ tiegħu. Iċ-ċermen tal-Bord jinsisti li m’għandux ikun hemm repetizzjonijiet.

12:39 L-iżvilupp hu suġġett għal garanzija tal-bank ta’ €575,000 minħabba l-iskala tal-proġett. L-ERA staqsiet li l-proġett ikun immonitorjat.

12:18 L-uffiċjal tal-każ spjega d-disinn tal-proġett, u d-dettalji tekniċi tiegħu. Il-proġett se jkollu 5,000 metri kwadri ta’ spazju miftuħ. 2,613 metri kwadri hu l-ammont ta’ spazju li se jiġi kkunsidrat għat-toroq interni. Pjazza pubblika ta’ 2,353 metri kwadri qed tiġi proposta f’parti mis-sit. Mhux iż-żoni residenzjali kollha għandhom kobor ta’ 150 metru kwadru. Madankollu, l-ispazju medju jaqbeż il-190 metru kwadru.

11:44 Id-Direttorat spjega li l-applikazzjoni tal-ippjanar kienet suġġett għal numru ta’ oġġezzjonijiet li jinkludu impatt negattiv fuq Għar Ħarq il-Ħammiem, proposti li binjiet skedati jiġu rilokati, nuqqas ta’ spazji miftuħa, żieda fit-tniġġis, impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja tar-residenti, li l-Lido jmur kontra l-liġi tad-dominju pubbliku, li l-mina proposta mhix suġġetta għall-istudji adekwati dwar l-ambjent.

11:33 Dwar il-kwalità tal-arja ntqal li l-mina se tkun qed tilqa’ għall-problema tat-tniġġis. Qed jiġi propost Green Travel Plan, li jinkludi titjib fit-trasport pubbliku, li jiġi provdut trasport għaċ-ċentru għall-impjegati minn min iħaddimhom, disponnibiltà ta’ roti għat-turisti fil-lukandi u l-użu ta’ sistemi avvanzati ta’ mmaniġġjar ta’ parkeġġ.

11:01  Il-persuna li jmiss tissottometti aktar rappreżentazzjonijiet se titkellem dwar l-effett fuq it-traffiku u l-problemi li jistgħu jinħolqu, fost l-oħrajn ħdejn id-dwal tat-traffiku f’Pembroke, u f’dawk ta’ San Ġiljan.

10:45: Tasal fis-sala l-aħħar membru tal-Bord Jacqueline Gili.

10:39: Perit ieħor spjega l-att tekniku tal-proġett. Qal li se jkun hemm għadd ta’ entraturi għall-binja fosthom il-kwartieri residenzjali, il-pjazez u l-istabbilimenti kummerċjali. Qal ukoll li t-trakkijiet biex jagħtu servizz se jitħallew jidħlu biss minn mini taħt l-art. Insista li għandu jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn l-iżviluppaturi u l-imsieħba konċernati biex jitfassal pjan.

10:30: L-ewwel rappreżentazzjonijiet qed isiru mill-periti. L-ewwel perit qal li l-proġett kien sottomess wara sejħa pubblika. Il-perit spjega li ħames ditti internazzjonali ta’ periti ġew ingaġġati biex jipproponi disinni alternattivi. Spjega li l-għażla waqgħet fuq MYGG, li huma bbażati f’Milan, l-Italja, li offrew is-servizzi tagħhom għal dan il-proġett.

10:20: Il-laqgħa bdiet biċ-Ċermen tal-Bord Vince Cassar iwissi lil dawk preżenti li jekk ikun hemm imġiba ħażina għandu d-dritt li jkeċċihom mis-sala.

10:18:  Fis-sala hemm preżenti madwar 500 persuna. M’hemmx arja kkundizzjonata, fannijiet biss. Ma kinux permessi li jiddaħħlu fliexken tal-ilma bit-tappijiet.

10:17: Għadd ta’ persuni, fosthom attivisti, residenti, Membri Parlamentari u Sindki u Viċi Sindki nġabru fil-Liċeo tal-Ħamrun biex isegwu l-Laqgħa tal-Bord. Il-membri tal-Bord ħadu posthom fuq il-palk tas-sala iżda jonqos ir-rappreżentanta tal-Gvern Jacqueline Gili.

09:45Newsbook.com.mt qed ixandar LIVE minn ġewwa l-Liċeo ta’ San Ġorġ fil-Ħamrun fejn se nirrappurtaw x’ikun qed jiġri minuta b’minuta mil-laqgħa tal-Bord tal-Aworità tal-Ippjanar, li llum se jiddeċiedi dwar il-Proġett fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke.

AQRA: Illum jinqata’ l-verdett dwar il-proġett tad-db

AQRA: Filmat: “Eluf jaraw il-proġett tad-db bħala theddida”