L-użu tal-klieb għall-benefiċċju tat-tfal li jattendu l-iskola ta’ San Andrea kien ta’ suċċess skont l-Assistent Kap.

L-Assistent Kap tal-Iskola ta’ San Andrea Trevor Templeman spjega ma’ Newsbook.com.mt li fl-aħħar sentejn l-iskola ta’ fejn jaħdem kienet qed tuża diversi klieb mill-Service Dogs Malta Foundation li jkunu qed jagħtu servizz lit-tfal biex jħeġġuhom jaqraw aktar.

Templeman spjega li l-klieb huma mħarrġa apposta għax-xogħol tagħhom. It-tfal jaqraw ħdejhom b’mod individwali jew fi gruppi. Qal li jekk ikun hemm tfal li jibżgħu mill-klieb, l-iskola tara li dawn ma jiġux esposti għalihom.

Templeman qal li saret riċerka fl-Ewropa li turni li l-annimali jagħtu serħan lit-tfal u lill-adulti meta jkunu fil-viċinanzi tagħhom. Qal li jqis l-inizjattiva tal-iskola San Andrea bħala waħda ta’ suċċess. Ir-riċerka turi li meta wieħed jaqra lill-klieb, l-istudenti jtejbu l-ħila tal-qari, li tgħinhom fil-prestazzjoni akkademika u l-attitudni pożittiva.