Koppja żagħżugħa kellha l-ħsieb li tiżżewweġ fl-4 ta’ Settembru ġol-isptar fejn it-tfajla kienet pazjenta għax kellha kanċer terminali, imma malajr kellhom ibiddlu l-pjanijiet meta t-tobba qalulhom li t-tfajla ma kellhiex jum ieħor ħajja.

“It-tabib qalilna li jekk ridna niżżewġu, kellna niżżewġu dakinhar stess,” spjega l-għarus, ta’ 21 sena. It-tfajla, ta’ 19-il sena, aċċettat mill-ewwel.

U hekk għamlu. Ftit sigħat wara l-konverżazzjoni mat-tobba, it-tfajla kienet liebsa l-libsa tat-tieġ fis-sodda tal-isptar, bil-fjuri ma’ xagħarha u bukkett fjuri f’idejha. Peress li kienet batuta wisq biex timxiha sal-kappella tal-isptar, l-impjegati tal-isptar u membri tal-familja tagħha irnexxielhom ibiddlu kamritha, li kienet fl-ITU, f’post perfett għal tieġ.

Iż-żagħżugħ qal li ma kienx it-tieġ li dejjem ħolmu li jkollhom, imma kien it-tieġ li biddel il-ħolm tagħhom f’realtà. “Kien importanti għaliha li niżżewġu. Kienet waħda mill-affarijiet li riedet tagħmel bilfors, u li anke jien ridt nagħmel.”

“Kont kuntent immens għax fl-aħħar iżżewwiġt lill-ikbar ħabiba tiegħi. Kont ilni bix-xewqa li niżżewwiġha minn mindu bdejna noħorġu flimkien,” qal iż-żagħżugħ lill-magazin People. Huma kienu ilhom ħbieb minn mindu kellhom 8 snin, u kienu joqogħdu 10 minuti bogħod minn xulxin.

It-tfajla mietet 3 ijiem wara, fis-6 ta’ Settembru.

Bdew joħorġu flimkien f’Ġunju tal-2017 – xahar wara li t-tfajla saret taf li kellha kanċer li nfirex sal-kliewi. It-tobba neħħewlha tumur minn rasha wkoll u għamlet il-kimoterapija kemm-il darba.

L-iktar biċċa diffiċli hi li m’għadhiex miegħi, spjega ż-żagħżugħ. Qal li kienet parti minn ħajtu minn dejjem, u jimmissjaha aktar u aktar għax kienet persuna li ddaħħak lil kulħadd, li kulħadd kien iħobbha. “Ma nafx kif kienet tagħmilha, imma kull min kien jiltaqa’ magħha kien isir jaduraha.”