Il-Fondazzjoni OASI ħabbret li se tkun qed torganizza l-OASI Cup Run għall-ħames sena konsekuttiva. Din il-kompetizzjoni se tittellgħa nhar il-Ħadd, 7 ta’ Ottubru 2018 fit-toroq tar-Rabat, Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana rringrazzjat lill-Fondazzjoni OASI għal-ħidma kontinwa li twettaq kontra l-pjaga tad-droga u l-konsum eċċessiv tal-alkoħol. Il-Ministru wegħdet li ser tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lil din l-entità li tirsisti sabiex tqajjem kuxjenza soċjali permezz ta’ attivitajiet edukattivi u sportivi.

Filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Caruana għall-appoġġ li l-Fondazzjoni OASI qed tingħata, il-Kap Eżekuttiv Noel Scerri stqarr ukoll li l-għan wara l-OASI Cup Run huwa li jiġi promoss ambjent san u sportiv mingħajr teħid ta’ sustanzi illegali.