L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, FAA, sostniet li anomalija fil-liġi qed tħalli żvilupp ta’ binjiet li joħonqu lir-residenti Slimiżi. Dan qalitu fi stqarrija fejn spjegat li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni għal żvilupp ta’ 11-il sular fi Triq Ġużè Howard, li hija waħda mill-idjeq toroq f’Tas-Sliema.

Fl-istqarrija qalet li taħt il-pjan lokali tal-2006, din it-triq partikolari tiġi kkunsidrata bħala żona ta’ żvilupp biss jekk l-iżvilupp ma jkunx ogħli aktar minn sitt sulari. Għaldaqstant spjegat li l-Height Limitation Adjustment Policy for Hotels li ġiet introdotta fl-2014, tat l-opportunità kollha lil-lukandi sabiex iżidu s-sulari bla rażan. Irrimarkat li din kienet l-istess policy li ntużat biex tiġġustifika dak li ssejħilha “l-monstrożità tal-ITS”.

Fl-istqarrija l-għaqda spjegat li jekk san il-proġett jiġi approvat, il-bini li se jkun fih mat-35 metru se jħalli dell ta’ mill-inqas ħames sulari jħuf fuq id-djar tal-madwar, tant li jħallihom mingħajr aċċess għad-dawl tax-xemx. FAA spjegat kif it-Triq Ġużè Howard hija wiesa inqas minn tmien metri u għaldaqstant ma għandux jiġi permess li fiha jsir żvilupp ta’ aktar minn deba’ sulari.

Intant irrimarkaw kif minkejja li sid il-lukanda qed jipproponi li jipprovdi 94 kamra, mhux se jkun qed jipprovdi spazju għall-parkeġġ. Dan minkejja li se jkun qed iżid id-domanda għall-ispazji tal-parkeġġ f’din iż-żona urbanizzata.

Skont FAA, Transport Malta wkoll tinsab imħassba dwar dan il-proġett u qed titlob sabiex l-iżviluppatur jipprovdi spazju għall-parkeġġ fis-sit li jixtieq jiżviluppa. Għaldaqstant l-FAA li l-ebda multa dwar il-parkeġġi ma tista’ tkopri l-ħsara li se jkun qed jagħmel bini ta’ dan it-tip fi triq dejqa.