L-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-artist Malti ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja ta donazzjoni ta’ 15-il pittura tiegħu mis-serje “Is-Sagrifiċċju tal-Ħrief”.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li dawn il-pitturi nħadmu fuq medda ta’ 15-il sena, bl-etika u l-fidi jkunu ż-żewġ temi ewlenin ta’ dan ix-xogħol artistiku. L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-artist Joseph Calleja tal-ġenerożità tiegħu u awgura li l-arti tkompli tkun espressjoni ta’ fidi u tama quddiem ir-realtajiet kiefra li jiffaċċja l-bniedem.

“Is-Sagrifiċċju tal-Ħrief” juru l-ħaruf tas-sagrifiċċju sa minn żmien il-qedem sal-ħrief tas-sagrifiċċju tal-ġurnata tal-lum impoġġija fuq l-altari tal-kunflitti u l-gwerer. Dawn il-15-il pittura jixhdu l-għeruq kulturali u s-sensittività tal-artist quddiem it-traġedji u t-tbatijiet tal-bniedem. Fuq għażla ta’ Calleja stess, il-pitturi la għandhom isem u lanqas id-data ta’ meta tlestew.

Fi kliem l-Arċidjoċesi, “l-artist kien ispirat mit-tempji Neolitiċi Maltin li fuq l-artali tal-ġebel tagħhom kien jitpoġġa wkoll ħaruf bħala offerta ta’ sagrifiċċju lill-allat. Il-ħaruf, li minn dejjem kien simbolu tal-innoċenza, sar is-simbolu tas-salvazzjoni permezz ta’ Ġesù Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla, li miet fuq is-salib biex jifdi lill-umanità.”

Joseph Calleja, li għandu 93 sena, twieled ix-Xewkija Għawdex u ilu għal dawn l-aħħar 60 sena jgħix f’Toronto, il-Kanada.