Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ippubblika rapport pożittiv dwar it-trasparenza fiskali ta’ Malta però qal li hemm bżonn iktar dettalji dwar l-infiq tat-taxxi.

L-IMF ippubblika r-rapport wara talba biex dan isir mill-Gvern Malti. L-istħarriġ sar f’Mejju tal-2018. Skont l-IMF instab li diversi elementi ta’ prattiċi fiskali sodi huma implimentati f’Malta. Malta kisbet riżultat tajjeb jew wieħed avvanzat f’21 minn 35 prinċipju tal-IMF.

Ir-rapport jirrikonoxxi li l-entitajiet kollha tal-Gvern jippubblikaw rapporti fiskali b’mod frekwenti u fil-ħin. Min-naħa l-oħra r-rapport qal li jista’ jkun hemm aktar informazzjoni dwar proġetti b’investiment pubbliku. Skont l-IMF Malta għandha tippubblika rapport regolari dwar l-infieq tat-taxxi.

Rapport ferm pożittiv – Scicluna

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li r-rapport intalab biex isir bl-għan li jissaħħu l-finanzi pubbliċi u titjieb it-trasparenza tal-proċess baġitarju. Fi kliem il-Ministru r-riżultat ta’ Malta kien ferm pożittiv. Il-Ministru għall-Finanzi qal li, “din hija l-ewwel darba f’Malta li saret evalwazzjoni fuq it-transparenza tal-proċess baġitarju tal-gvern u ninsab verament sodisfatt bir-riżultat li ksibna”.