Il-kumpanija Facebook qalet li kważi 50 miljun mill-klijenti tagħha kellhom il-kont tagħhom iħħekkjat minħabba żball fis-sigurtà tas-sit.

Xi nies li nhar il-Ġimgħa, Facebook talabhom biex jerġgħu jidħlu fil-kont tagħhom, huma dawk li potenzjalment ġew iħħekkjati. Il-kumpanija kompliet tgħid li min hu wara dal-każ irnexxielu jsib lakuna fil-feature View As” fuq is-sit biex jieħu kontroll fuq il-kontijiet tan-nies. Hi indunat b’dan nhar it-Tlieta li għadda u infurmat lill-pulizija.

Madankollu, il-kap tas-sigurtà Guy Rosen, informa lill-pubbliku li rnexxielhom isewwu din il-problema fil-lakuna. Barra minn hekk, reġgħu ssettjaw il-profil ta’ 40 miljun persuna li kienet użat il-feature View As, u dawn kollha, Facebook talabhom jerġgħu jidħlu fil-kont tagħhom il-Ġimgħa.

Huwa kompla jgħid li għadhom iridu jaraw jekk il-kontijiet li ġew iħħekkjati ntużawx b’mod ħażin jew ġietx aċċessata informazzjoni minn fuqhom. Għadhom ma jafux min hu wara dan kollu, u f’liema parti tad-dinja qed jaħdem.

Kif tkun taf li ġejt iħħekkjat?

Jekk il-Ġimgħa, Facebook talbek terġa’ tidħol fil-kont tiegħek hemm ċans li kont wieħed mill-50 miljun li ġew iħħekkjati. Hemm ukoll ċans li kont wieħed mill-40 miljun li l-ħaddiema ta’ Facebook talbuhom joħorġu mill-kont tagħhom bħala miżura ta’ sigurtà.