Newsbook.com.mt żar ix-Xatt tat-Tiben fejn waslu Malta it-58 persuna li ġew salvati mill-Aquarius wara li ġew trasferiti għall-bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta. Il-bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta P52 daħal f’Malta għall-ħabta tas-2.15pm f’Xatt it-Tiben. Fost dawk salvati kien hemm 18-il minuri u mara tqila kif ukoll kelb, dan kien ikkonfermat mill-kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta. Wara li tniżżlu mill-patrol boat huma ttieħdu lejn il-Marsa fejn se jkunu proċessati qabel ma jiġu trasferiti lejn erba’ pajjiżi Ewropej li aċċettaw li jieħduhom. Il-bastiment MV Aquarius 2 huwa fit-triqtu lejn Marsilja fejn se jkun qed iffittex reġistru ieħor wara li l-awtoritajiet tal-Panama neħħew mir-reġistru. Dan ġara wara li l-Italja poġġiet pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Panama.

Fi tweet separata, Doctors Without Borders spjegaw li hemm total ta’ 7 familji li ġew trasferiti. Intant qalu li l-Aquarius qed jiġi sfurzat jirritorna fil-port oriġinali tiegħu fi Franza sabiex jaħdem fuq ir-reġistrazzjoni, filwaqt li jsostnu l-ebda bastiment tas-salvataġġ mhu qed jopera fl-istess żona tiegħu sakemm dan it-trasferiment iseħħ.

 

Dawn il-persuni ilhom jistennew madwar ħamest ijiet viċin l-ibħra internazzjonali Maltin sakemm it-temp jippermetti li jiġu salvati b’mod effettiv. Skont stqarrija tal-Gvern, l-immigranti se jiddaħlu Malta mill-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben, f’nofsinhar illum.

Il-Gvern Malti kien sostna li qed jipparteċipa f’din il-ħidma fuq bażi umanitarja u mingħajr preġudiżżju fuq il-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħidmiet tas-salvataġġ fuq il-baħar. L-Aquarius mhux qed jitħalla jidħol Malta minħabba li m’għadux qed isalpa bil-bandiera tal-Panama. Il-Gvern Malti kien spjega li l-bastiment għandu jmur lura fil-port fejn hu rreġistrat biex jemenda l-pożizzjoni tiegħu.

It-58 immigrant kienu salvati minn żewġ ħidmiet differenti. L-ewwel ħidma ġew salvati 11-il persuna li qed jingħad li huma Pakistani u mill-Kosta tal-Avorju. Magħhom qed jingħad li kien hemm minuri. It-tieni ħidma ta’ salvataġġ tar l-Aquarius isalva 47 persuna, 17 minnhom kienu nisa, tliet itfal taħt il-ħames snin u mara tqila. Qed jingħad li dawn il-persuni ġewjjin mil-Libja, s-Sirja, l-Palestina, l-Alġerija, il-marokk u s-Sudan.