Juventus rebħu t-tieni logħba tagħhom fl-edizzjoni taċ-Champions League ta’ din is-sena grazzi għal hat-trick tal-attakkant Arġentin Paulo Dybala. Ir-rebbieħa renjanti tas-Serie A kienu mingħajr Cristiano Ronaldo wara li l-attakkant Portugiż tkeċċa kontra Valencia fl-ewwel logħba tal-klabb fi Grupp H.

Dybala fetaħ l-iskor kontra t-tim Svizzeru tal-Young Boys meta kienu għaddew 5 minuti u mbagħad żied it-tieni gowl b’xutt mill-viċin wara 33 minuta. Il-plejer ta’ 24 sena skurja t-tielet gowl tiegħu fit-tieni taqsima wara li rċieva l-ballun mingħand Juan Cuadrado.

Juventus issa jinsabu fl-ewwel post fi Grupp H, b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Manchester United li spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Valencia.