Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti minn tim ta’ atleti Maltin li se jikkompeti fit-tielet edizzjoni tal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ.

Dan l-avveniment ser isir fi Buenos Aires ġewwa l-Arġentina u l-kontinġent Malti, li ser ikun immexxi mid-Direttur tal-Isport Ivan Balzan, ħa jieħu sehem f’erba’ dixxiplini sportivi.

L-erba’ atleti li se jirrapreżentaw lil Malta huma: Jacob El Aida Chaffey (Atletika – 200 metru), Francesca Curmi (Tennis – Singles), Rudi Spiteri (Għawm – 50 metru Freestyle, 50 metru Butterfly) u Shelby Mangion Vassallo (Weightlifting).

It-tennista Francesca Curmi ġiet magħżula biex iġġor il-bandiera Maltija fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ li ser tittellgħa nhar is-Sibt 6 ta’ Ottubru.