Forsi ftit jafu minn kienet Indra Nooyi il-Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ PepsiCo, li f’dawn il-ġranet qed ittemm il-karriera tagħha wara 24 sena taħdem ma’ din il-kumpanija. Min hu midħla ta’ dan is-settur jaf is-suċċessi li kisbet. Ir-riżultati jitkellmu waħedhom.

Indra Nooyi  li għandha 62 sena u twieldet l-Indja, hija meqjusa bħala waħda mill-ftit persuni ta’ karnaġġjon skur li mexxew kumpaniji li jagħmlu parti mill-S&P 500, li huma fost l-aqwa kumpaniji fid-dinja. Fit-12-il sena li għamlet bħala Kap Eżekuttiv tal-kumpanija hija irnexxilha twassal lill-PepsiCo biex iżżid 80% fil-bejgħ.

F’intervesti li tat matul is-snin, hija irrimarkat bosta drabi li s-suċċess trid taħdem għalih. Nooyi elenkat ħames punti li fil-fehma tagħha għenuha tagħmel suċċess.

Immaġinak li inti l-president ta’ pajjiżek

Meta kienet żgħira, flimkien ma’ oħta, fuq struzzjonijiet ta’ ommhom kienu jimmaġinaw  li huma xi president jew xi persuna ta’ awtorità. Wara l-ikla tal-familja, l-omm kienet tħeġġiġhom jagħmlu diskors u tagħtihom il-voti skont kemm għamlu diskors tajjeb. Din il-logħba għenithom jibnu kunfidenza fihom infushom li serviethom għal meta kibru u bdew jagħmlu diskorsi fil-pubbliku.

Għaraf u kabbar l-aħjar talent

Meta tagħraf tidentifika l-aqwa talent li għandek tkun tista’ toħloq identità aħjar għal ħidma li twettaq. Nooyi saħħqet li meta jkollok kompetenza li tiddistingwik mill-kumplament tat-tim, il-kollegi isibuha iktar faċli li jersqu għandek għal soluzzjoni.

Ilbes iż-żarbun tal-konsumatur

Fost il-ħidma tagħha, Nooyi għarfet tifhem il-bżonnijiet tal-klijenti. Hija stess kienet tinżel fil-ħwienet u tagħmel ir-riċerki tagħha fuq kif jinbiegħu l-prodotti ta’ PepsiCO. Dan għen biex tidħol fiż-żarbun tal-klijenti tagħha u b’hekk tieħu miżuri li bihom il-kumpanija tilħaq l-aspettattivi tagħhom.

Uri gratitudni

Kull meta kienet iżżur il-familjari tagħha fl-Indja, Nooyi kienet tirrealizza li ħafna drabi l-ġenituri u l-qraba tal-persuni li jagħmlu suċċess qajla jirċievu apprezzament u gratittudni. Hija kienet tibgħat bosta ittri lil qraba tal-kollegi tagħha fit-tmexxija tal-kumpanija.

Kun determinat

Fost is-suċċessi li għamlet il-kumpanija taħt it-tmexxija tagħha kien hemm l-introduzzjoni ta’ prodotti tal-ikel u xarbiet li huma meqjusa iktar tajbin għas-saħħa. Minkejja li sabet oppożizzjoni minn diversi persuni fil-kumpanija, hija xorta waħda baqgħet tisħaq fuq il-bżonn ta’ dan il-kambjament. Baqgħet determinata fil-ħsieb tagħha tant li l-implimentazzjoni ta’ dan il-ħsieb ġab qliegħ importanti għall-PepsiCO.  Skont rapport ta’ The New York Times, nofs id-dħul ta’ PepsiCo attwalment isir minn dawn il-prodotti, qabża importanti mit-38% fl-2006.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.