Isqof Silvestru Magro

Nhar is-Sibt filgħaxija, 6 ta’ Ottubru 2018, il-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni flimkien mal-Patrijiet Franġiskani li għandhom il-Knisja u l-Kunvent tagħhom fl-Imġarr, Għajnsielem, fakkru lill-Isqof Sylvester Carmelo Magro, li bejn is-snin 1997 u l-2016 serva bħala l-Vigarju Apostoliku ġo Bengħażi fil-Libja u li miet fl-20 t’ Jannar  2018 fl-isptar Mater Dei. Huwa għadda l-aħħar jiem tiegħu fil-Kunvent Franġiskan f’Baħar iċ-Ċagħak.

Matul il-Gwerra Ċivili Libjana l-Isqof Magro kien ripetutament mitlub li jaħrab mill-pajjiż għas-sigurta tiegħu stess;  madankollu huwa xorta baqa’ mal-poplu tal-Libja anke fil-qalba taż-żmenijiet diffiċli.  Huwa kien ukoll imwissi għal iktar minn darba biex jaħrab minn Bengħażi minħabba l-instabilita’ fiż-żona iżda qatt ma ried li jabbanduna l-merħla fdata f’idejh.  Fl-okkażjoni tal-għeluq tal-75 sena tal-Isqof Magro, fl-14 ta’ Frar 2016 il-Papa Francesco aċċetta r-riżenja tiegħu u ħatar lill Mons George Bugeja OFM l-Isqof Koadjatur ta’ Tripli bħala s-suċċessur tiegħu.

Intant is-serata fetħet b’messaġġ minn patri Joe l-Gwardjan tal-post li radd ħajr lill-Fundazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni li kienet qed torganizza dik is-serata kommemorattiva u lil tant Sponsors u sellem lil dan l-Isqof li bata ferm itturufnat minn pajjiżu li ma beżax mill-periklu imma baqa’ mal-merħla tiegħu. Charlie Xuereb min-Nadur li jiġi mill-Isqof ta xi tagħrif dwar l-Isqof Magro; l-istess għamel Patri Marcello Ghirlando bl-ilsien Ingliż.

Fis-serata ad unur tiegħu ħadu sehem it-tenur żagħżugħ  Angelo Muscat li nterpreta diversi kanzunetti fosthom l-‘Ave Maria’ kemm dik ta’ Schubert kif ukoll dik miktuba minn Caccini, ‘Ombra Mai Fu’ u ‘Lascia ch’io pianga’ ta’ Handel, ‘Pie Jesu’ ta’ Andrew Lloyd Weber, ‘Ave Verum’ ta’ Mozart, u ‘Panis Angelicus’ fuq arranġament ta’ Cesar Franck.  Ħadet sehem ukoll il-kantanta popolari minn Għajnsielem Deborah C li kantat ‘Silence’ tal-kittieba ta’ nisel Indjan Sava Harish Kotecha u flimkien mat-tenur Angelo Muscat kantat ukoll ‘Holy Mother’ ta’ Eric Clapton u ‘The Prayer’ ta’ David Foster.  Il-pjanista tal-lejla kien mro Stephen Attard li daqq ukoll kemm l-Innu ta’ filgħodu kif ukoll l-Innu ta’ filgħaxija ta’ Ġużeppi Caruana.  Fuq talba tal-Kumitat organizzattiv jien ktibt u qrajt il-poeżija tiegħi ‘Tislima lill-Isqof Sylvester Magro.

Attendew bosta parruċċani kif ukoll xi barranin flimkien mal-Onor Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana u żewġha s-Sur Silvio Valletta,  Anton Tabone ex Speaker tal-Kamra tad-Deputati u ex Ministru għal Għawdex, membri tal-Kunsill Lokali tar-raħal. Grazzi lill-isponsors: Ministeru għal Għawdex, Eco Gozo, Kunsill Lokali Għ’Sielem, Country Terrace Lounge Bar and Restaurant Għ’Sielem, Bubbles Bathrooms Ltd Victoria, Ta’ Philip Restaurant Għ’Sielem, Ta’ Pennelu Restaurant M’Forn u Porto Vecchio Restaurant and Vinoteca Mgarr.

L-appuntament li jmiss: il-JP2 Foundation tagħmel appuntament ieħor magħkom nhar is-Sibt li ġej 13 ta’ Ottubru fit-7.45pm meta l-kor Ingliż ‘More House School Choir’ ser jagħti kunċert korali ta’ mużika sagra wara li sa jkun ħa sehem fil-quddiesa tas-6.30pm fis-Santwarju Ta’ Pinu.

Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex