L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li meta jiltaqa’ ma’ vittmi li sofrew abbuż sesswali, ma jsibx kliem u għalhekk jippreferi jibki magħhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan, l-Arċisqof irrimarka kif meta jkun affaċċjat b’dawn l-esperjenzi traġiċi, iħoss għatx kbir għall-verità u għall-ġustizzja.

Saħaq li għalkemm ma kienx hemm diskussjonijiet diretti dwar li l-isqfijiet jinżammu responsabbli skont l-irwol tagħhom, hemm stennija kbira ta’ struttura fejn tittieħed responsabbiltà, u li b’iktar fidi fil-Papa Franġisku, tinħoloq sistema biex isir dan.

L-Arċisqof Scicluna tkellem dwar il-mument tal-mea culpa tal-Arċisqof Fisher, li fi kliemu jirrifletti l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet ta’ dawk preżenti. Huwa qal li kull grupp li hemm preżenti fis-Sinodu tkellem dwar din il-problema, u għalhekk fid-dokument finali se jkun hemm spazju ikbar dedikat għall-abbużi sesswali. Huwa spjega li hekk kif il-Papa jisma’ bix-xewqa li kulħadd jimxi mill-kliem għall-fatti, il-Knisja ssir post iktar sigur u tgħin lin-nies biex jiżvelaw l-abbużi.

Tenna li r-responsabbiltà hija kruċjali, mhux biss fil-kuxjenza tagħhom jew ma’ Alla, iżda wkoll man-nies tagħhom.