Funeral Silvestru Magro Malta

Il-Knisja tagħna Maltija
Mas-snin tatna frott sabiħ –
Fost dawn hemm Silvestru Magro
Isqof wisq maħbub qatigħ.

Ta’ sitta u sebgħin sena
Ħalla dan il-Wied tad-Dmugħ
Warajh ħalla ġewwa l-Libja
Tant Maltin kollha jibkuh.

Illi lilhom bit-tbatija
U bid-determinazzjoni
Saħħtu tahom mingħajr biża’ –
Ma ħarabx minn dil-missjoni!

Għal kuntarju, għoxrin sena
Dam iterraq ġewwa l-Libja
Qalb perikli, imwiet, biża,
Tant mibegħda u invidja!

Fuq il-oil rigs ma kienx jonqos
Li ta’ spiss imur iżur
Lill-ħaddiema fost periklu –
Bil-ferħ qalbu kienet tfur.

Bla minn demmu ċarċar qatra
Dan l-Isqof kien martri kbir
Illi għex ġo żewġt ikmamar
Ħadem, stinka bla tnikkir.

Mons Silvestru żgur ta ħajtu
Sabiex jara l-merħla tiegħu
Tissielet kontra l-kurrenti
Li t-taqbid dlonk iġib miegħu.

Issa mar il-premju jieħu
U jiltaqa’ mal-Ħallieq
Wara illi għadda ħajtu
Fuq art ħarxa kollha għollieq!

Ta’ insara illi aħna
Ej nitolbu għall-mejtin
Biex malajr ħuna Silvestru
Jidħol fost il-Qaddisin!

Post dan l-Isqof issa ħadu
George Bugeja wild ix-Xagħra;
Jalla jgħix fil-kwiet u l-għaqda
U fil-Libja l-paċi jara!

Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex