Baldacchino-Mons-Frans

Id-9 ta’ Ottubru huwa d-disa’ anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Francis Baldacchino Kappuċin, l-ewwel Isqof ta’ Malindi fil-Kenya.

Mons. Baldacchino, twieled il-Marsa fis-6 ta’ Lulju 1936. Fl-20 ta’ Settembru 1953, daħal fl-Ordni tal-Frangiskani Kapuċċini fejn għadda s-sena tan-novizzjat fil-kunvent tal-Madonna tal-Grazzja, f’Għawdex. Fis-26 ta’ Settembru 1954 għamel il-Professjoni Temporanja. Huwa għamel l-istudji tal-filosofija u t-teoloġija fil-kunvent tal-Floriana u ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Marzu 1961. Wara l-ordinazzjoni saċerdotali, ġie mibgħut Ruma biex jispeċjalizza fl-istudji bibliċi, li kompla fl-Art Imqaddsa għal sentejn.

Lura Malta, huwa serva f’diversi ħidmiet pastorali, fosthom bħala viċi-kappillan fil-parroċċa tal-Marsa u anke direttur tal-Istudenti Kapuċċini. Baldacchino-Mons.-Francis

F’Jannar 1974, huwa kien wieħed mill-ewwel missjunarji Kapuċċini li mar fil-missjoni l-ġdida ta’ Garissa fil-Kenya. Beda l-ħidma missjunarja tiegħu fuq il-gżira ta’ Lamu, fejn hemm waqqaf skola sekondarja kif ukoll bena l-ewwel knisja kattolika fuq dik il-gżira. Mons. Baldachina waqqaf ukoll il-missjoni ġewwa Mpeketoni u wara, beda wkoll il-parroċċa ta’ Ruiru, qrib il-belt ta’ Nairobi.

Wara t-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Garissa fl-1984, l-isqof Mons. Pawlu Darmanin OFMCap ħattru Vigarju Ġenerali. Ħadem bla heda biex ta sehem u għat-tisħiħ tad-djoċesi l-ġdida sakemm il-Papa San Ġwanni Pawlu ll ħattru l-ewwel Isqof ta’ Malindi. Huwa gie ordnat Isqof fit-2 ta’ Settembru 2000, mill-Kardinal Jozef Tomko, assistit mill-isqof Pawlu Darmanin OFMCap, Isqof ta’ Garissa u l-Arċisqof ta’ Momabasa Mons. John Njenga.

Mons. Baldacchino, kien missjunarju evanġelizatur, edukatur, ta’ karità kbira u fuq kollox missjunarju kuraġġjuż u ta’ ispirazzjoni għall-missjunarji l-oħrajn. Qatt ma qata’ qalbu minn xejn, lanqas fl-iżjed ċirkustanzi diffiċċli li hu għaddha minnhom fil-missjoni. Missjunarju, li ħalla l-marka tiegħu, mhux biss fid-djoċesi ta’ Malindi, imma anke f’dik  ta’ Garissau fostna.

Fiż-żmien li għamel fil-missjoni, Mons Baldacchino, ma kienx ta’ ġieħ biss lil-Knisja u lill-Ordni Frangiskan Kapuccin, imma wkoll lill-art twelidu u lill-Marsa fejn għex u trabba.  Huwa miet Malta wara marda qasira.

Ftit xhur biss wara mewtu, fil-Katidral ta’ Malindi sar mafkar f’ġieħu, b’rikonoxxenza għall-ħidma li hu wettaq b’tant imħabba u dedikazzjoni fil-Missjoni. Inħoss li issa wasal iż-żmien li anke f’raħal twelidu (il-Marsa), li ssir tifkira tiegħu, b’rikonoxximent għall-ħidma tiegħu fil-missjoni u kif ukoll bħala l-ewwel Isqof mill-Marsa fejn l-Aħwa Kapuċċini ilhom jaħdmu għal aktar minn mitt sena.

Br John Cassar

OFMCap, Floriana