Il-koppja Mercieca tingħata Gieħ l-Għasri
Photo by Lorne Cremona

Nhar is-Sibt filgħaxija, 29 ta’ Settembru 2018, id-dentist Franco Mercieca mwieled l-Għasri u martu Audrey mwielda Hal Luqa ngħataw Gieħ l-Għasri mis-Sindku tal-lokal waqt ċerimonja fil-Knisja Parrokkjali tal-Għasri wara l-Quddiesa mill-Kappillan Dun Edward Xuereb.

Dr Mercieca huwa magħruf għall-interess kbir li juri fil-festi esterni tat-titular Kristu Salvatur u jgħin b’kull mod biex din il-festa tkompli tikber. Huwa  ggradwa fl-1997 u baqa’ jispeċjalizza f’diversi oqsma tad-Dentistrija fost l-Implantoloġija barra minn Malta.

Minn kmieni ħass il-ħtieġa li jaħdem b’mod volontarju biex jgħin lill-parroċċa ta’ raħal twelidu. Fil-fatt huwa membru attiv  fil-Kumitat tal-festa ta’ barra fejn ħa ħsieb fuq medda ta’ ħames snin biex jinbidel l-armar ta’ barra fosthom jinxtraw tlettax -il arblu għall-pjazza Salvatur, jinħadmu tlettax-il alabarda, jiġu restawrati l-istatwi ta’ barra fi pjazza Salvatur u ikkordina proġett estensiv biex jinħadmu tlettax-il bandalora għall-pjazza Salvatur li kien jirrekjedi ħafna xogħol fuq medda ta’ erba’snin.

Fl-1998, kien ukoll involut biex jinħadmu tnax-il arblu tal-metall flimkien ma’ ħuh John  u biex inxtraw tnax-il bandalora għal Triq Dun Karm Caruana. Jinteressawh ħafna wkoll ir-restawr ta’ postjiet ta’ valur storiku fir-raħal.  Insibuh jieħu sehem f’laqgħat biex siti storiċi fl-Għasri bħal Knisja parrokkjali, il-Knisja tal-Patroċinju, il-Fanal ta’ Gordan ma jaqgħux lura kif ukoll jitjieb l-aċċess għall-Bajja ta’ Wied il-Għasri. Fi Frar ta’ din is-sena dan id-Dentista bravu kellu laqgħa kordjali ħafna mal-Prim Ministru fejn iddiskutew fit-tul u b’sodisfazzjon ir-restawr tal-Fanal ta’ Gordan kif ukoll biex jinbdew it-taħdidiet għar-restawr tal-Knisja Parrokkjali tal-Għasri.

Martu Audrey li wkoll qed taqsam dan il-Gieħ tar-Raħal ma’ żewġha, hija artista brava ħafna u studjat taħt diversi pitturi magħrufa barranin fosthom Jordan Sokol, Eran Webber, Vitaliy Shtanko, Jura Bedic u Simone Olivia u ħadet diversi korsijiet barra minn xtutna. F’Malta  studjat l-Art History taħt il-gwida ta’  Dr Joseph Paul Cassar u segwiet korsijiet  ta’ Anton Calleja, Charles Cassar, u korsijiet aktar fit-tul għand l-artist  Alfred Briffa. Għal dawn l-aħħar  snin hija kompliet  bl-istudji tagħha fid-design tal-human figure u landscapes b’diversi media bħal ma huma l-acrylics, oils, pastels u watercolours taħt il-gwida ta’ Winston Hassel u Philip Agius.  Studjat u ipprattikat ukoll id-Drawing u l-iskultura fil-Malta School of Arts  taħt il-gwida ta’ Mr Joseph Chetcuti u Noel Azzopardi. Din is-sisnjura mwielda Ħal Luqa ħadet l-Ewwel Premju fl-Isculpture taħt il-gwida ta’ Mr Chetcuti mil-Malta School of Art.

Hija dejjem xtaqet taqsam dan it-talent kollu billi tagħti xi ħaġa lir-raħal tal-Għasri u dan għamlitu billi għal erba’ snin hija impenjat ruħha u ħadmet bi sħiħ biex irregalat lil-lokal fejn twieled żewġha, tlettax-il abbozz u tlettax-il pittura b’suġġetti fuq l-Ewkaristija.  Dawn it-tlettax-il pittura llum jinsabu fuq il-bandalori biex jitgawdew fil-jiem tal-festa titulari.  Ilkoll juru livell ta’ arti oriġinali u juru krejattivita fl-arti.  Ħadmet ukoll  pittura tal-mibki Mons Gużeppi Mintoff, ex Kappillan li tista’ titgawda fil-Knisja parrokkjali.

Minn dan kollu wieħed jaqbel perfettament mad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Għasri li Ġieħ ir-Raħal din is-sena ngħata lil din il-koppja li hija meqjusa fost il-benefatturi kbar tar-raħal tal-Għasri. Minn dawn il-kolonni nifirħulhom.

Kav Joe M Attard