Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jrid jikkjarifika li hu ma jridx jgħid li l-firma tal-mara tiegħu ġiet iffalsifikata iżda li sar iffalsifikar ta’ firem fil-każ li fih issemmiet il-mara tiegħu.
L-istqarrija li għamel fil-Parlament Joseph Muscat ġabet reazzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li stqarr li l-Prim Ministru kien qed jikkwota minn partijiet mir-rapport tal-inkjesta Egrant li ma kinux pubbliċi u talab mill-ġdid li jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg beżbżet lid-deputati parlamentari biex juru iktar rispett lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u lejn il-poplu wara l-battibek tal-bieraħ, waqt li stqarret li issa l-inċident kien magħluq wara li l-Prim Ministru kien iċċara l-pożizzjoni tiegħu.
Buttiġieġ kienet qed tirreaġixxi wara li d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil talab ruling wara li ħassu offiż b’dak li qal il-Prim Ministru meta għajru ‘frodist’. Hija qalet li fid-dawl li l-Prim Ministru rtira d-diskors tiegħu, il-każ kien magħluq.