Fl-2019  se niċċelebraw 25 sena minn meta s-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani bgħatt l-ewwel grupp tiegħu biex jagħmel esperjenza missjunarja fil-Brażil fl-1994. Bl-iskop li dan is-Segretarjat jagħti ċans lil ħafna żgħażagħ li xi darba f’ħajjithom jixtiequ jagħmlu esperjenza missjunarja. Ġeneralment dawn iż-żgħażagħ  ikollhom xewqa kbira biex jgħinu mill-aħjar li jistgħu lil foqra, lil dawk li qed ibatu inġustizzji u l-imwarrba tas-soċjetà. Mill-1994 sal-2011 tellajna diversi gruppi fil-Brażil fejn dawn ħadmu f’diversi Parroċċi li aħna l-Patrijiet Agostinjani kellna f’din l-art. Dawn iż-żgħażagħ wettqu ħidma fis-slums ġewwa Parque Novo Mundo, fejn kienu jinġabru madwar 500 tifel u tifla ġewwa 3 daycentres differenti li kienu mmexxija mis-sorijiet Brażiljani. Hawnhekk kien isir xogħol mat-tfal tat-triq bħal tqassim ta’ hampers tal-ikel, kutri, materjal għall-iskola u mediċini għall-familji fil-bżonn.  Wara xi snin li bdejna mmorru  f’Sao Paolo x-xogħol beda jiżdied u għalhekk inħass il-bżonn biex nilħqu aktar tfal, bdejna niftħu wkoll xi kappelli biex niġbru fihom it-tfal li jkunu qegħdin jiġġerrew mat-toroq maħmuġa u perikolużi tas-slum areas. Iż-żgħażagħ Maltin kienu jorganizzaw logħob, kant, żfin futbol, xogħol tal-idejn u tpinġija. Qabel ma jitilqu ma tonqosx  kienet dik il-panina bil-butir u tazza ruġġata.  Fuq talba tal-Patrijiet tagħna Agostinjani xtaquna li mmorru wkoll fil-Parroċċi tagħhom li hemm fl-istat tal-Parana; Rolandia u Jaguapità. Hawnhekk il-ħidma kienet ukoll mat-tfal. Esperjenza sabiħa imma wkoll diffiċli kienet li tgħix u taħdem maż-żgħażagħ u  xi adulti li kienu morda bl-Aids.

Wara li ħdimna għall-17-il sena fil-Brażil, waqt li kien Malta s-Superjur Ġenerali P. Robert Prevost OSA, dan kien talabni biex ngħinu xi ftit issa fil-Kontinent Afrikan fejn hemm diversi missjonijiet f’idejn ir-reliġjużi, patrijiet u sorijiet Agostinjani.

Fis-snin 2012,2013, 2017 u 2018 morna ġo raħal jismu Mapinhane, fil-Możambik, fl-Afrika. Din il-missjoni hija mmexxija minn ħames sorijiet  tal-Kongregazzjoni “Missjunarji Agostinjani” Brażiljani li ilhom f’dan il-pajjiż mill-1975. Hawnhekk in-nies jitkellmu wkoll bil-lingwa Portuġiża bħal Brażil. Dawn is-sorijiet il-ħidma tagħhom hija; edukattiva, soċjali u pastorali. Fil-fatt għandhom tliet skejjel: kindergarten, primarja u sekondarja. Għandhom ukoll Ċentru Soċjali biex jgħinu lil familji fil- bżonn. Jgħinu lil Kappillan fil-katekiżmu u fl-evanġelizzazzjoni.  Ir-raħal li qegħdin ngħinu fih huwa raħal pjuttost fqir. Kwazi 90% tan-nies jgħixu fil-Palhotas (għarix) magħmul mill-qasab u tiben. Maġġoranza tan-nies m’għandhomx dawl u ilma. L-ilma trid tmur iġġibu int mill-bjar li hemm imqassma mar-raħal.  Dan huwa xogħol li trid tagħmlu l-mara jew it-tfal u mhux l-irġiel. Isajru fuq il-ħatab.  Immaġinaw ftit f’liema stat jinsab dan ir-raħal. Il-popolazzjoni tiegħu hija ta’ xi ftit aktar min 40,000 ruħ.

Il-ħidma tagħna matul dawn is-snin hija li nibnu xi għerejjex għall-anzjani. Dawn kienu jieħdu gost jaraw li jkollhom fuq rashom għarix ġdid. Ġeneralment li kien ikollhom ikun spiċċa minħabba l-elementi tax-xemx tiżreġ u tax-xita. Nhar ta’ Sibt iż-żgħażagħ jieħdu sehem fit-tqassim tal-ikel u ħalib għat-tfajliet li kien ikollhom xi tarbija jew aktar. Meta konna nkunu hemm konna nqassmulhom xi ħwejjeġ tas-suf li nġibu magħna minn Malta. Dan ix-xogħol tas-suf huwa kollu xogħol ta’ xi nisa Maltin li matul is-sena kollha jaħdmu biex b’hekk aħna jkollna xi nqassmu lil dawn it-trabi. Xi wħud minn dawn l-ommijiet kienu jiġu minn xi siegħa jew aktar bogħod bil-mixi. Qabel ma jitilqu lura konna nqassmulhom xi platt żgħir tal-ikel u xi drink biex imorru lura b’xi ħaġa fl-istonku. Saru diversi ħidmiet oħra bħal xogħol ta’ żebgħa fl-iskola sekondarja u fil-kindergarten. Inxtraw diversi saqqijiet għad-dormitorji tat-tfal, siġġijiet u mwejjed kif ukoll mediċini.

Bl-għajnuna ta’ Alla ftaħna ħidma oħra, din id-darba  fil-Kenja, fl-Afrika. Hawnhekk morna fis-snin 2014, 2015 u 2016. Din il-missjoni hija mmexxija mill-Patrijiet Agostinjani Kenjani fejn insibu diversi komunitajiet u parroċċi ġewwa Nairobi, Ishiara, Kisumu, Eldoret, Kericho u Mbwiru. Ġewwa  Babadogo,  barra mill-belt kapitali  Nairobi, għandhom parroċċa li hija fis-slum area fejn hemmhekk hemm klinika li matul il-ġurnata jilqgħu fiha persuni morda bl-HIV u tuberkulożi, kif ukoll skola primarja għall-istudenti li ġejjin minn din is-slum. Għandhom ukoll dar tal-formazzjoni għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jsiru reliġjużi Agostinjani u saċerdoti. Ġewwa Babadogo ż-żgħażagħ wettqu diversi xogħlijiet bħal twaqqieħ ta’ ċentru żgħir li kien mibni  bil-pjanċi taż-żingu. Kollox kien imsaddad u ħa jaqa’ u ma jaqax. Ħadmu fuq tindif u bidu tal-pedament ġdid biex dan iċ-Ċentru issa jkun mibni bil-ġebel. Xtrajnielhom siġġijiet u mwejjed. Dan iċ-ċentru fih kmamar għall-iskola, għat-tagħlim tal-ħjata u għal laqgħat taż-żgħażagħ u xi attivitajiet oħra. Iż-żgħażagħ hawnhekk ħadmu  f’sitwazzjonijiet vera tal-biki. Ħmieġ  u drenaġġ ma’ kullimkien. Riħa tinten pesta. Rajna u messejna faqar li qatt ma rajna bħalu aħna l-Maltin.  Però ħadmu bil-qalb biex itejbu xi ftit il-ħajja ta’ dawn in-nies. Kull ħmistax jitqassmu mas-sittin hamper. Wieħed jixtieq li jitqassmu aktar għax hemm ħafna   familji li huma fil-bżonn.  Bħalma ngħidu trid aktar flus.

Ġewwa Ishara, f’dawn l-aħħar tliet snin bnejna diversi djar żgħar magħmula mill-injam, ħamrija u soqfa taż-żingu. Ħdimna wkoll fuq bini ta’ żewġ kappelli żgħar. Qabel ma bnejnielhom din il-kappella n-nies kienet tinġabar taħt siġra kbir. Ġewwa dan ir-raħal il-Patrijiet qegħdin jgħinu lill-bdiewa biex ikabbru l-ħxejjex tagħhom b’sistema ta’ irrigazzjoni. Fl-Afrika waħda mill-problemi hija in-nuqqas ta’ ilma. Ġewwa Kisumu u Eldoret ħadmu fuq bini ta’ djar, kappella, kċina għat-tfal tal-iskola u bini ta’ tank għall-ilma u fuq proġett ta’ tqassim ta’ ikel.

Meta wieħed iħares lejn din il-ħdma kollha li saret miż-żgħażagħ Maltin jinnota kemm mijiet ta’ tfal, żgħażagħ u familji foqra gwadanjaw matul dawn il-25 sena ta’ ħidma. Irridu nżommu quddiem għajnejn li dan sar kollu ħajr għall-qlub ġenerużi ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin. Grazzi mill-qalb.

Min hu interessat jagħmel esperjenza bħal din, jista’ jċempel fuq 79255936.

Mario Abela OSA

Direttur