Matul l-aħħar għaxar snin, Malta għamlet passi sinifikanti biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol għal 55.5%. Madankollu, din iċ-ċifra tfisser li Malta għadha waħda mill-Istati Membri tal-UE bl-ogħla numru ta’ nisa inattivi ekonomikament.Filwaqt li dan jista’ jiġi attribwit parzjalment għal ostakli kulturali u l-valuri tradizzjonali tal-familja li tħaddan Malta, l-esperjenza tagħna ma’ nisa inattivi hija li l-ostaklu ewlieni għax-xogħol huwa attribwibbli wkoll għar-rwol soċjali tagħhom bħala l-persuni primarja fil-familja tagħhom li jindokraw it-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Min-naħa l-oħra, il-klima ekonomika tal-lum u l-pressjonijiet tas-suq tax-xogħol jitolbu li għadd dejjem ikbar ta’ nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Riżultat ta’ dan, l-inkoraġġiment ta’ aktar individwi inattivi biex jidħlu fis-suq tax-xogħol qed isir dejjem iktar neċessarju.

Matul dawn l-aħħar snin, ġew implimentati numru ta’ miżuri bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi fil-mira li ta’ spiss jiltaqgħu ma’ numru ta’ problemi biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Work Programme Initiative, immexxija minn KPMG f’isem Jobsplus, hija waħda mill-miżuri ewlenin immirati lejn individwi qiegħda u mhux attivi, li tipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ għall-adulti u ta’ titjib tal-ħiliet tagħhom.  Din l-inizjattiva hija vjaġġ ta’ tliet xhur fejn aħna l-ewwel insiru nafuk, imbagħad flimkien ma’ ħarrieġa interni, kif ukoll persunal responsabbli li jagħti appoġġ kontinwu, niżguraw li l-ħiliet neċessarji tiegħek ikunu żviluppati sabiex tkun tista’ ssib postok fis-suq tax-xogħol kurrenti, u b’hekk titnaqqas id-differenza fil-ħiliet neċessarji, li jwassluk biex tkun tista’ potenzjalment issib opportunità ta’ karriera adattata għalik.

Filwaqt li aħna nifhmu li kull individwu li jiddeċiedi li jibda dan il-vjaġġ jiffaċċja ostakli li jxekkluh milli jsib impjieg u li jinħtieġ li jkunu megħluba, aħna ħadna l-passi meħtieġa biex niżguraw li jkunu implimentati numru ta’ miżuri biex nagħmlulek it-triq tiegħek kemm jista’ jkun l-iktar faċli possibbli.

Inizjattivi bħal dawn jinkludu professjonisti interni fil-qasam tal-gwida għall-karriera; li nagħtu s-setgħa lill-parteċipanti u nnisslu fihom il-fiduċja fihom infushom u l-motivazzjoni meħtieġa biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; innisslu fihom il-kunċett illi wieħed li jinvesti fil-ħiliet tiegħu huwa proċess kontinwu ta’ tagħlim tul il-ħajja.

Aħna għalhekk qegħdin ninkoraġġixxu lil kull min jixtieq li jerġa’ lura għad-dinja tax-xogħol, biex jagħmel kuntatt magħna u jirreġistra fl-Inizjattiva tal-Programm ta’ Ħidma, biex b’hekk ir-ritorn tiegħek għas-suq tax-xogħol ikun proċess ferm aktar sempliċi. Aħna ser niżguraw li se nipprovdu sistema ta’ taħriġ u ta’ konsulenza li hija kompletament bla ħlas.

Timothy Gingell – KPMG Malta