Il-Pulizija Talajna, hekk kif kwotati mill-ġurnalisti ta’ The Daphne Project, qalet li każi riċenti juru li l-Maltin kellhom rwola fit-traffikar tad-droga lejn l-Ewropa.

Fl-aħħar rapport tagħhom ppubblikat l-Erbgħa filgħaxija, il-ġurnalisti Taljani li qed ikomplu l-investigazzjoni li kienet bdiet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li 12-il mil fil-Lvant ta’ Malta, hemm sikka konvenjenti fejn il-bastimenti jankraw eżatt barra l-ibħra Maltin biex it-traffikanti jkunu jistgħu jagħmlu l-kuntrabandu ta’ kull tip ta’ merkanzija.

“Maltin kellhom rwol fit-traffikar tad-droga lejn l-Ewropa”

Jikkwotaw lill-Kurunell Giuseppe Campobasso li jmexxi l-Pulizija finanzjarja f’Palermo tal-iskwadra ta’ kontra d-droga fejn jgħid li l-Pulizija Talajna “għadha ma tafx eżattament kif id-droga tiġi trasportata lejn l-Ewropa minn Tobruk” imma jgħid ukoll li “każi riċenti wrew li esponenti mill-gruppi ta’ kriminalità organizzata Taljani u Maltin” kellhom rwol finanzjarju biex id-droga tiġi trasportata.

L-investigazzjoni tal-ġurnalisti Taljani ffukat fuq il-Port il-Kbir u maħżen partikolari fil-Marsa bl-isem Il-Moll tal-Port, post li jinsab viċin ħafna tal-maħżen tal-patata fejn inqabdu s-suspettati fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne. Jgħidu li dal-post huwa sinonimu mat-traffikar tal-kuntrabandu fil-Mediterran.

La Repubblica ssemmi lil Paul Attard ta’ Patron Group, il-Kaptan David Bonello, Joseph Anthony O’Connor, irlandiż li ilu jgħix f’Malta għal bosta snin, u l-kummerċjant tad-deheb Silvio Mizzi. Il-ġurnalisti Taljani jgħidu li dawn kollha huma “konnessi” mal-każijiet mikxufa mill-pulizija internazzjonali.