Kważi 6 minn kull 10 sidien ta’ djar privati, iqisu l-ispejjeż tad-dar bħala piż finanzjarju għalihom. Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-NSO li ġabru informazzjoni dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ djar privati f’Malta u Għawdex. L-istħarriġ sar is-sena l-oħra fuq 4,000 residenza.

Mill-istess stħarriġ, joħroġ li żewġ persuni minn kull għaxra, jemmnu li l-ispejjeż tad-dar huma ta’ piż kbir fuqhom, filwaqt li 20 fil-mija oħra qalu li dawn l-ispejjeż m’huma tal-ebda piż.

Dwar ir-residenzi tal-Maltin, joħroġ li 44% minnhom huma djar b’terran, detached jew semi-detached. Il-kumplament tar-residenzi, jew inkella 56%, huma appartamenti jew maisonettes. Il-parti l-kbira tar-residenzi tal-Maltin għandhom ħamest ikmamar.

Kważi 80% ta’ dawk intervistati qalu li huma s-sidien ta’ darhom.

Skont l-istħarriġ tal-NSO, 2.6% ta’ dawk li qed jgħixu f’residenzi privati, huma overcrowded fejn il-propjetà ma tiflaħx għan-numru sħiħ ta’ resident li jgħixu fiha. Dan il-persentaġġ ta’ overcrowding jirdoppja aktar mal-familja tkun f’riskju ta’ faqar jew tal-esklużjoni soċjali.

Meta mistoqsija dwar l-aktar problema li ddejjaqhom fir-residenza tagħhom, il-maġġoranza jew 27% wieġbu dwar it-tniġġiż tal-ambjent qrib id-dar tagħhom, filwaqt li 25% oħra qalu li l-aktar li jdejjaqhom huwa l-istorbju tat-triq jew tal-ġirien.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-istatistika tal-NSO, il-Ministeru għall-Familja qal li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jgħin lill-familji fil-bżonn u speċjalment lil dawk li għandhom problemi ta’ housing. Intqal ukoll li fil-budget tat-22 ta’ Ottubru li ġej, il-Gvern se jħabbar pakkett ta’ miżuri oħrajn biex jassistu lill-familji speċjalment dawk li mhumiex sidien ta’ djarhom.