Asia Bibi, omm ta' ħamsa, tistenna l-appell minn sentenza li kkundannatha għall-mewt

Rapporti mill-Pakistan qajjmu biża’ li mara nisranija, omm ta’ ħamest itfal li bħalissa tinsab il-ħabs tistenna appell minn sentenza li kkundannatha għall-mewt, bdiet tbati mid-dementia.

Asia Bibi qed turi sintomi ta’ bidu ta’ dementia, skont il-British Pakistan Christian Association, li qed tmexxi kampanja għall-ħelsien tagħha mill-ħabs. Ġurnalist Pakistan li għamel żjara lil Asia fil-ħabs fejn qed tinżamm qal li l-memorja u l-ġudizzju tagħha qed jonqsu.

Asia Bibi kienet instabet ħatja taħt il-Liġi tad-Dagħa li f’Ġunju 2009 insultat lill-Profeta Muhammed għax-xorbot mill-istess sors ta’ ilma li minnu jixorbu l-Musulmani u f’Novembru 2010 kienet ngħatat is-sentenza tal-mewt.

Għal dawn l-aħħar disa’ snin, Bibi inżammet f’ċella ta’ iżolament f’ħabs fil-Pakistan tistenna li tkun esegwita s-setenza tal-mewt tagħha. Dan minkejja l-appelli u l-appoġġ minn persuni f’kariġi għolja, fosthom il-Papa Franġisku.

Dan l-iżolament ħalla konsegwenzi serji fuq din il-mara. Kelliem għall-British Pakistan Christian Association qal li “l-intolleranza tal-Musulmani fil-Pakistan wasslet biex mara innoċenti, omm ta’ ħamest itfal, tilfet ir-relazzjoni mal-familja tagħha u issa bdiet issofri mid-dementia u qatt m’hi se tkun kapaċi tintrabat magħhom b’mod effettiv mill-ġdid, anke jekk ma tinqatilx”.

“Jekk il-Qorti tal-Appell se ttawwal is-sentenza tagħha, il-libertà li kulħadd qed jittama li tingħata, ikun ħelsien fieragħ u malajr jinbidel f’perjodu ta’ iżolament ieħor,” qalet l-għaqda.

Infermiera li taħdem fil-ħabs fejn qed tinżamm Asia Bibi kkonfermat dak li qal il-ġurnalist li din il-mara qed turi sinjali marbuta mad-dementia. Anke purtinara li taħdem fl-istess ħabs qalet lil Bibi qed turi sinjali li qed tinsa.  Mhux normali li persuna taħt il-65 sena, kif inhi Asia Bibi, tiżviluppa d-dementia.

Filwaqt li qed tinżamm il-ħabs Asis Bibi ma sarilha ebda eżami mediku għad-dementia.