Alessandra dee Crespo

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sejjaħ sabiex titwaqqaf kummissjoni speċjali sabiex permezz ta’ inkjesta pubblika tinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, filwaqt li talab mill-ġdid għat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. B’reazzjoni għal dan, il-Gvern Malti bgħat stqarrija jgħid li ma jeskludix inkjesta pubblika fi stadju ulterjuri.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni nniffsu fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-qtil tal-ġurnalista. Delia sostna li hu ċar li l-Gvern ma wettaqx dmiru sewwa la biex jipprevjeni l-qtil u lanqas biex jinvestigah sewwa u jsib il-mandant.

Delia fakkar kif fost l-aħħar żviluppi, il-Qorti Kostituzzjonali talbet għat-tneħħija tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta mill-investigazzjoni minħabba r-relazzjoni tiegħu ma’ Ministru fil-Gvern. Semma wkoll l-ammissjoni fil-Parlament tal-Ministru Chris Cardona fejn f’rapport minn The Daphne Project ħareġ li kien f’bachelors party ma’ Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu. Cardona ċaħad dan ir-rapport.

Fid-dawl ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet l-Oppożizzjoni talbet it-twaqqif ta’ kummissjoni speċjali, awtonoma u indipendenti li tidentifika n-nuqqasijiet fil-protezzjoni li l-Gvern kellu jagħti lill-ġurnalista qabel mewtha, li tara x’kienu jafu l-awtoritajiet li setgħu jindikaw theddida għall-ħajja tal-ġurnalista, u tinvestiga jekk l-awtoritajiet għażlux li jonqsu milli jaġixxu biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista.

Intant, l-Oppożizzjoni talbet ukoll li l-Gvern jistabbilixxi b’mod ċar dak li għandu jagħmel il-Korp tal-Pulizija biex isib il-mandant. Insistiet ukoll fuq it-tneħħija tal-Kummissarju Cutajar u l-ħatra ta’ persuna oħra floku li “jidderieġi b’indipendenza t-tiftix u l-qbid tal-mandant.”

“Ma neskludux inkjesta oħra fi stadju ulterjuri” – il-Gvern

Fi stqarrija, il-Gvern sostna li minkejja li hemm investigazzjonijiet għaddejjin bħalissa fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma jeskludix li ssir xi tip ta’ inkjesta oħra fi stadju ulterjuri “sakemm ma jiġix arrekat dan il-preġudizzju.”

Intant fakkar li fis-sistema tal-ġudikatura tal-pajjiż, meta jseħħ reat bħal dan, mill-ewwel jiskattaw żewġ tipi ta’ investigazzjonijiet, waħda mill-Pulizija u oħra mill-Maġistrat Inkwerenti. Il-Gvern insista li ħafna mill-punti li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni diġà huma suġġetti għal investigazzjoni u għaldaqstant iħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni li tista’ tgħin l-investigazzjoni biex jgħaddiha.

Il-Gvern irrefera wkoll għall-korrispondenza bejn l-Avukat Ġeneral u dak tal-familja Caruana Galizia dwar il-mertu ta’ inkjesta pubblika, li sostna li tista’ tqajjem numru ta’ kwistjonijiet legali minħabba li bħalissa hemm għaddejja investigazzjoni ta’ natura kriminali.

“Attentat fjakk ta’ Delia biex jieħu l-kontroll tal-Partit tiegħu” – PL

Il-Parit Labursita sostna li l-kliem ta’ Delia huma attentat fjakk biex jipprova jieħu kontroll tal-Partit li jmexxi. Il-partit sostna li qabel l-assassinju tal-ġurnalista, Delia kien wieħed mill-persuni skrutinati mill-ġurnalista nnifisha. L-istqarrija tinsisti li l-kontenut ta’ dak li kitbet dwar Delia baqa’ qatt ma kien iveerifikat għax skont il-PL beża’ jpoġġi għal inkjesta indipendenti bħal ma għamel il-Prim Ministru fil-każ ta’ Egrant.

“ Busuttil għadu l-Kap tal-PN” – Alex Saliba

Fi stqarrija li ħareġ il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dr Alex Saliba, qal li “huwa ċar daqs il-kristall li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista kien u għadu Simon Busuttil. Dawn l-aħħar jumejn urew is-saħħa li għad għandu fil-PN Busuttil u l-qasma ċarissima li teżisti fil-Partit”. Skont Saliba, dik li ddeskriva bħala “il-klikka ta’ Simon Busuttil u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista” qed jagħmlu “attakk sfrenat kontra pajjiżhom”.

Huwa qal li waqt li skont hu l-PN jattakka lil Malta barra l-pajjiż, il-Partit Laburista qatt ma għamel dan. Saliba sostna li f’Malta, il-Gvern huwa elett demokratikament mill-poplu biex ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.