Parlament Malta | Newsbook

Dak li ġara fil-Parlament l-Erbgħa filgħaxija jfakkar lil Malta fl-agħar żminijiet tas- sebgħinijiet u t-tmeninijiet skont il-Partit Demokratiku.

Fi stqarrija, il-PD qal li huwa intollerabbli li Membru Parlamentari (MP) ma jitħalliex jargumenta l-punt tiegħu, jiġi mhedded, mgħajjar, u mfixkel b’points of order għalxejn. “Dan huwa aġir ta’ forza ta’ stat jew partit kbir, b’saħħtu, li jirrombla fuq kull min jopponih” qal il-PD.

X’qal Busuttil?

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li qed jistenna frame-up fil-konfront tiegħu wara dak li ntqal mill-Prim Ministru fis-seduta. Id-diskors ta’ Busuttil kien interrott diversi drabi mid-deputati Laburisti li qajmu numru ta’ point of orders wara li l-eks kap Nazzjonalista qal li għadu jemmen li Egrant hi tal-Prim Ministru.

Il-PD qal ukoll li l-aġġornament kixef il-livell baxx li waqgħet fih l-Oppożizzjoni tal-PN għax kien hemm biss ftit MPs tal-PN li baqgħu preżenti biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Busuttil.

Theddid minn Muscat

“It-theddid li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel lil Simon Busuttil jikxfu l-ħsieb li kull min jieqaf lill-Gvern, jitwarrab” qal il-PD. Il-partit żied jgħid li huwa intollerabbli li prim ministru jhedded b’eżilju lil MP.

Il-PD qal ukoll li l-użu ta’ trolls fuq il-midja soċjali qed ikun organizzat sew biex iqajjem il-biża’ ta’ persekuzzjoni, riperkussjonijiet, u sottomissjoni morali. Fi kliem il-PD, Malta qed tersaq lejn kultura fejn kulħadd mistenni jemmen dak li jgħidlu min qed imexxi.

Il-PL qed jibża’ mill-verità – PN

Fi stqarrija l-PN ikkundanna l-aġir tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u lid-Deputat Laburista Glenn Bedingfield talli “b’mod kontinwu ppruvaw iwaqqfu lid-Deputat Simon Busuttil milli jitkellem waqt il-ħin tal-aġġornament.”

Il-PN fakkar kif Glenn Bedingfield l-ewwel infexx jgħajjar lil Simon Busuttil u wara instema jidgħi. Skont il-PN, “huwa ċar li d-Deputati Laburisti qed jibżgħu li toħroġ il-verità kollha dwar il-kumpanija Egrant.”