Qari tal-Ħadd | Newsbook

Minn nhar il-Ħadd li ġej, Newsbook.com.mt se jibda joffri servizz awdjoviżiv ġdid, dak tal-Qari tal-Quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd, li se jitwassal ukoll bil-lingwa tas-sinjali Maltija.
Dan is-servizz ilu jingħata mill-Knisja f’Malta għal iktar minn sena.

L-Arċisqof Charles Scicluna dejjem insista dwar l-importanza li l-Knisja toffri s-servizz tal-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali għall-katekiżmu. Xewqa oħra tiegħu hija li l-Knisja tkompli tiżviluppa servizz biex il-persuni b’nuqqas ta’ smigħ, imorru f’liema knisja jmorru għall-quddies iħossuhom inklużi.

Il-filmati se jitilgħu hawn mis-Sibt filgħodu. Tista’ taċċessahom ukoll mill-kategorija Knisja u RTK 103FM fuq Newsbook.com.mt

Il-filmati huma miġjuba mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta b’kollaborazzjoni mad-Dar tal-Providenza, u bi produzzjoni ta’ Media Centre Ltd fi ħdan il-kumpanija Beacon Media Group.

F’Malta hu kkalkulat li hawn madwar 1,000 persuna nieqsa mis-smigħ.