-

Fil-qorti, raġel ta’ 25 sena mill-Fgura li ammetta li beżża’ lit-tfajla tiegħu b’mod vjolenti, ingħata l-libertà proviżorja.

Fil-Qorti il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ġibdet l-attenzjoni tal-leġiżlaturi li hemm inkonsistenza fil-liġi dwar il-vjolenza domestika. Irreferiet għal-liġi li ġiet emendata iktar kmieni din is-sena, fejn qalet li “abbuż” u “theddid ta’ vjolenza” qed jiġu trattati bl-istess mod.

Il-Maġistrat spjegat li meta l-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-Vjolenza Domestika iddaħħlet fil-liġijiet ta’ Malta, il-parti tal-liġi li tirregola l-abbużi ġew mibdula, iżda baqgħet l-istess is-sezzjoni dwar it-tnissil ta’ biża’ minħabba vjolenza.

Qalet li wasal iż-żmien li dawn iż-żewġ reati jitqiegħdu fuq l-istess keffa, għax kif qiegħda l-liġi bħalissa, waħda twassal sa sentejn ħabs, u l-oħra sa sitt xhur.

L-akkużat, li ismu ma xxandarx fuq ordni tal-Qorti, inħeles fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000.