Ir-Renju Unit se jkollu Ministru apposta biex jipprevjeni s-suwiċidju. Il-Prim Ministru Theresa May ħatbbret dan meta ippreżentat rapport dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ Ingliżi, fejn dan il-pass qed jitqies bħala wieħed sinifikanti. Il-Ministru l-ġdida għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju se tkun Jackie Doyle-Price.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, il-Prim Ministru tar-Renju Unit qalet li se tkompli tiġġieled biex tgħin lil dawk li jsofru inġustizzji u se tagħti ftit inqas minn żewġ miljun sterlina lill-għaqda tas-Sammaritani.

Il-Ministru għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju se tkun qed tmexxi grupp ta ħidma bis-sehem tal-gvern ċentrali, kunsilli lokali, għaqdiet volontarji u persuni oħra li ntlaqtu mill-qrib minn suwiċidju. L-għan aħħari huwa biex tiġi formulata strateġija għas-saħħa mentali.

Huwa stmat li fir-Renju Unit, mal-4,500 persuna fis-sena jneħħu ħajjithom u s-suwiċidju jibqa’ l-ogħla kawża ta’ mwiet fost l-irġiel ta’ taħt il-45 sena.

Ħafna mill-kundizzjonijiet mentali jistgħu jiġu identifikati fiż-żgħażagħ sa 14-il sena.