Fost il-proposti għall-baġit tal-2019, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) qed jitlob lill-Gvern sabiex jikkonsidra li jħallas is-Sigurtà Nazzjonali fuq il-paga tal-istudenti.

F’dokument ta’ proposti, il-Kunsill spjega li għal bosta żgħażagħ hija diffiċli li jkompli jistudjaw mingħajr ma jżommu xi tip ta’ impjieg. Spjegaw ukoll li l-Gvern jista’ jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ biex jibqgħu jistudjaw billi jħallas hu s-Sigurtà Nazzjonali (NI) li tinqata’ mill-pagi tal-istudenti.

Talbu wkoll sabiex is-Sigurtà Nazzjonali li tħallset minn persuni taħt it-18-il sena tibda tiġi kkunsidrata sabiex iż-żgħażagħ ikopru l-ħlasijiet neċessarji biex jibdew jieħdu pensjonijiet fil-futur.

“Bżonn ta’ investiment f’kliniċi tas-saħħa mentali”

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ semma wkoll sensiela ta’ proposti għall-qasam tas-saħħa mentali fil-pajjiż fejn fost l-oħrajn semmew il-bżonn ta’ kliniċi fil-komunitajiet li jkunu speċjalizzati fis-saħħa mentali. Dan sostnew imur id f’id mat-titjib tal-infrastruttura tal-Isptar Monte Karmeli.

Fil-proposti tiegħu għal dan il-qasam, il-Kunsill talab ukoll sabiex is-servizzi tas-saħħa mentali jiġu integrati fl-isptarijiet tal-pajjiż u b’dan il-mod jitwaqqaf l-iżolazzjoni ta’ dawn il-pazjenti. Ippropona wkoll l-issussidjar ta’ korsijiet tal-ewwel għajnuna fejn tidħol is-saħħa mentali fl-iskejjel, kif ukoll linji gwida għall-edukazzjoni dwar is-saħħa mentali fl-iskejjel primarji, sekondarji u terzjarji fil-Gżejjer Maltin.

Jipproponi fibre optic cable bejn Għawdex u l-Italja

Il-Kunsill ippropona wkoll li hemm bżonn ta’ investiment f’fibre optic cable oħra li mhux biss tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta, izda wkoll mal-Italja.

Isemmu Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet Umani

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ippropona wkoll li tiġi stabbilità l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet Umani li tkun konformi mal-Prinċipji ta’ Pariġi.

Ara l-proposti kollha tal-KNŻ minn hawn.