Fil-qorti raġel mill-Isla qala’ multa wara l-oħra ta’ €1,000 għal kull dagħwa li beda jiġbed quddiem il-Maġistrat, tant li spiċċa ħareġ mill-qorti b’multa ta’ €4,000.

Ġorġ Farrugia ta’ 58 sena, magħruf bħala iċ-Ċapalaw, tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech meta ġie akkużat li seraq brazzulletta tad-deheb minn anzjana fil-Ħamrun.

L-allegata serqa seħħet fis-27 ta’ Settembru li għadda, u r-raġel tressaq il-qorti akkużat li żamm lill-anzjana kontra l-volontà tagħha u li kien vjolenti magħha.

Akkuża oħra fil-konfront ta’ Farrugia kienet dik ta’ każ separat ieħor li fih seraq żewġ bagalji mill-Belt Valletta fis-7 t’Ottubru.

Ir-raġel fehem ħażin is-sentenza tal-qorti għax ħaseb li kien se jeħel sentejn ħabs qabel ma jkun jista’ jibda programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Malli sema’ hekk, qabad jidgħi, jgħajjat u jagħmel mossi oxxeni fil-konfront tal-Maġistrat.

Waqt li tkaxkar ‘il barra mill-qorti, Farrugia tkellem ħażin għal erba’ darbiet u weħel elf ewro għal kull dagħwa.

Ftit ħin wara reġa’ ddaħħal il-Qorti fejn talab skuża u ammetta li għandu bżonn jintbagħat isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni.

Meta l-Maġistrat qaltlu li d-dagħa mhux aċċettabbli, ir-raġel weġibha li huwa Satanist tant li uriha tpinġija ta’ salib rasu ‘l isfel fuq għonqu.