12:08 Is-seduta tieqaf għal-lum u mistennija tkompli għada fid-9.30 am.

12:07 Il-pulizija jgħib li sab 7 marki tas-swaba imma ma jafx x’kien ir-riżultat tal-analiżi li saret.

12:05 Fil-kontro-eżami, wieħed mill-pulizija jgħid li ra search warrant meta kien fuq il-post ħdejn it-tinda tal-patata. Jgħid li l-akkużati kienu preżenti taħt it-tinda waqt li kienu qed ifittxu. Jgħid li x’ħin wasal fuq il-post, l-arresti kienu diġà saru. Jgħid li mill-investigazzjonijiet li għamel it-tim tiegħu ma kien hemm l-ebda riżultati partikolari.

11:54 Wieħed mill-pulizija jgħid li nstabu chargers, sim card holders, batteriji, radji tal-VHF,  u covers ta’ mowbajls fiż-żona tat-tinda tal-patata fil-Marsa. Jgħid li kien preżenti l-ħin kollu waqt li l-bugħaddasa tal-forzi armati ta’ Malta kienu qed itellgħu dawn l-oġġetti mill-baħar.

11:48 Jixhdu membri mill-korp tal-Pulizija tat-taqsima forensika li jgħidu li kellhom sehem f’analiżi forensika tal-karozza tal-ġurnalista, it-tinda tal-patata fil-Marsa, u żewġ dgħajjes.

11:38 L-espert jgħid li ġew elevati mowbajls, strument tal-GPs għal dgħajsa u qal li jista’ jkun li kien hemm xi PlayStation.

11:34 Issir il-kontro-eżami tal-espert. Jgħid li ma kellux awtorità fuq il-pulizija Maltin meta kienu qed ifittxu l-postijiet. Qal li tagħhom pariri ta’ x’għandhom jelevaw imma mhux ordnijiet.

11:26 Mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk jixtieqx iżid xi ħaġa, l-espert jgħid li hemm żewġ żballji f’numri li jidhru fid-dokumenti.

11:22 Dan il-proċess għadu għaddej. Isemmi li saru tfittxijiet f’San Pawl il-Baħar, fil-Marsa, u fl-Imsida.

11:16 L-espert għadu qed jiġi muri dokumenti biex jivverifika l-firem tiegħu.

11:09 L-espert jiġi muri numru ta’ dokumenti biex jivverifika li l-firma li tinsab fuqhom hija verament tiegħu.

10:55 Jibda jixhed espert tal-Europol tal-forsensika diġitali. Spjega li wasal Malta f’Diċembru u kien qed jassisti lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu fil-pussess tagħhom apparat elettroniku. Dan l-appartat ġie elevat waqt diversi tfittxijiet li saru.

10:46 L-akkużati jidħlu fl-awla.

10:43 Il-pulizija jingħataw is-sinjal biex itellgħu t-tliet akkużati fl-awla.

10:40 L-avukati u l-prosekuzzjoni jinsabu fl-awla. Hemm ukoll membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata u ġurnalisti. L-akkużati u l-Maġistrat għadhom ma daħlux.

Illum tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia. Hi kienet inqatlet fi splużjoni fil-karozza tagħha fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Fil-5 ta’ Ottubru, il-Qorti kkonfermat li nkisru d-drittijiet fundamentali tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bl-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzjoni tal-qtil tagħha.

It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio magħruf bħala “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “ċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.