Il-kampus il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) f’Ħal Luqa ġie inawgurat illum mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Fi stqarrija, l-ITS qal li l-għan ta’ kampus ġdid kien biex jikber fid-daqs sa ma’ jitlesta il-bini l-ġdid fi Smart City. Skont l-ITS, f’Ħal Luqa hemm 78% aktar spazju minn kemm kien hemm f’Pembroke u f’San Ġiljan f’daqqa. Il-kampus jesa’ 70% aktar studenti. Mizzi qal li l-ITS jeduka madwar 1,000 student li minnhom 260 huma barranin.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu Zurab Pololikashvili kien preżenti għall-inawgurazzjoni.

Riċentament, il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), Pierre Fenech, qal li l-kċejjen tal-iskola għadhom mhumiex lesti, madanakollu din kienet ippjanata hekk għal żmien twil. L-ITS għal din is-sena ġiet rilokata f’Ħal Luqa hekk kif il-binja fejn kienet qabel inbiegħet mill-Gvern sabiex fiha jsir l-iżvilupp tal-proġett tal-Grupp db.

F’Settembru, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota favur il-proġett f’Pembroke mill-Grupp db fuq is-sit tal-ITS.