Amy Winehouse se tkun fuq tour mużikali wara mewtha skont missierha Mitch Winehouse. Hu kien qed jitkellem ma’ Reuters fejn spjega li se jsir tour tal-kantanta li mietet fl-2011 li se terġa’ tingħata l-ħajja permezz ta’ hologram.

Hologram ija immaġini 3D u animata ta’ persuna jew karattru li tkun proġettata. It-tour se jibda fl-2019 u se jkun qed jinkorpora live band li se tkun qed takkumpanja r-recordings oriġinali ta’ Winehouse qabel mewtha. Skont missierha, id-dħul kollhu mill-kunċerti se jgħaddi għal Amy Winehouse Foundation. Din il-Fondazzjoni taħdem sabiex tipprevjeni l-effetti tad-droga u l-alkoħol fuq iż-żgħażagħ irreġistrata fl-Ingilterra u Wales.

Missier Winehouse spjega li dan huwa mod kif Amy tkun tista’ terġa’ żżur lill-ammiraturi tagħha u wkoll mod inkredibbli ta’ kif jinġabru l-flus għall-Fondazzjoni.

Id-dokumentarju dwar il-ħajja tal-artista, bl-isem ta’ Amy Winehouse – Back to Black se joħroġ ix-xahar id-dieħel. Hu fih filmati li qatt ma ħarġu qabel tal-artista, kif ukoll intervisti ma’ kollaboraturi tagħha bħal Mark Ronson, Salaam Remi u oħrajn.