Esperti Ġermaniżi sostnew li l-parti fix-xlokk tal-Etna tinsab bil-mod il-mod nieżla lejn il-baħar, liema moviment jista’ jikkawża tsunami katastrofika fil-gżira Siċiljana.

L-esperti ġejjin minn Geomar li huwa ċ-Ċentru tar-Riċerka fl-Oċeani ta’ Kiel Helmholtz. Huma qed isegwu l-movimenti fl-Etna u jagħtu attenzjoni partikolari il-parti tal-vulkan li tinsab taħt l-ilma. L-istudju ġie ppubblikat fil-ġurnal xjentifiku Science Advances.

Skont l-esperti l-moviment tal-Etna lejn il-baħar ilu jiġi rreġistrat bil-mod il-mod minn Mejju tal-2017. F’dak ix-xahar, l-Etna niżlet erba’ ċentimetri taħt il-baħar fi tmint ijiem biss.

L-Etna huwa l-iktar vulkan attiv fl-Ewropa u minħabba din ir-raġuni hemm bosta persuni u entitajiet li jsegwuh mill-qrib. Madanakollu jidher l-parti tal-vulkan fin-naħa opposta hija stabbli.