Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li jeħtieġ li l-Ewropa taħdem biex il-paga minima nazzjonali tkun aġġustata fl-Unjoni Ewropea biex tirrifletti l-kundizzjonijiet tal-pajjiżi nazzjonali. Intant talab sabiex il-paga minima nazzjonali tiżdied b’tal-inqas 5%.

Sant kien qed jitkellem waqt dibattitu bl-isem ta’ ‘Dħul Minimu għal Ewropa ġusta: dritt taċ-ċittadini’ fil-Parlament Ewropew. Sant sostna li l-konsum privat kiber, l-esportazzjoni u l-investiment kibru, il-qgħad qed jonqos u joqrob il-livelli ta’ qabel il-kriżi monetarja, u d-defeċit pubbliku u livelli tad-dejn jinsabu taħt kontroll. Minkejja dan, Sant insista li “f’ħafna mill-każijiet fejn il-paga minima nazzjonali teżisti fl-Ewropa, xorta hija ħafna aktar baxxa mill-paga li wieħed jeħtieġ biex jgħix.”

Sant insista li d-diverġenzi bejn min jaqla’ aktar u min jaqla’ anqas baqgħu jiżdiedu. Spjega li filwaqt li l-iskemi ta’ dħul minimu jintużaw bħala appoġġ għal dawk il-ħaddiema u individwi l-aktar vulnerabbli li m’għandhomx garanzija ta’ livell ta’ għixien adegwat, l-iskemi bilkemm qed jirnexxielhom jagħmlu dan.