It-tim nazzjonali Malti safa megħlub mill-Kosovo bl-iskor ta’ 3-1. It-tielet logħba ta’ Malta fil-UEFA Nations League seħħet fil-Prishtina City Stadium u ntemmet fuq nota negattiva minkejja l-ottimiżmu li wera l-kowċ Ray Farrugia.

Il-Kosovo mar fil-vantaġġ wara nofs siegħa logħob grazzi għal Benjamin Kololli. Malta kisbet id-draw fil-51 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Andrei Agius iżda Vedat Muriqi reġa’ għamilhom 2-1 favur il-Kosovo fit-68 minuta.

L-attakkant Malti Michael Mifsud tkeċċa ftit minuti wara filwaqt li Kololli skurja t-tieni gowl tiegħu fil-81 minuta b’xutt bix-xellug wara li rċieva l-ballun mingħand Milot Rashica. It-tim immexxi minn Ray Farrugia ser ifittex li jikseb l-ewwel rebħa tiegħu meta jaffronta lill-Ażerbajġan nhar il-Ħadd, 14 ta’ Ottubru.