L-iktar 1 fil-mija mill-persuni sinjuri fl-Amerika ħallsu taxxa tad-dħul daqs it-total li ħallsu dawk li huma fost l-inqas 90 fil-mija fl-Istati Uniti fl-2016. Dan joħroġ minn ċifri ippubblikati mill-Internal Revenue Service Amerikan dwar il-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul fl-2016.

Analiżi li saret minn Bloomberg turi li fl-istess sena, il-gvern Amerikan ġabar total ta’ 1.44 triljun dollaru Amerikan minn fost il-140.9 miljun persuna li tħallas it-taxxa fuq id-dħul. Dawn il-persuni flimkien irrapurtaw fid-dikjarazzjonijiet tagħhom li għamlu dħul gross aġġustat ta’ $10.2 triljun. L-istatistiċi jkomplu juru kif dawk li jinsabu fost l-iktar 50 fil-mija li jiddikjaraw qliegħ, iħallsu 97 fil-mija tat-total tat-taxxa fuq id-dħul individwali. Dan ifisser li l-50 fil-mija l-oħra, ħallsu biss 3 fil-mija tat-total.

Meta imqabbla ma ċifri oħra fil-passat, minkejja li minn jaqla iżjed qed iħallas iżjed f’taxxa tad-dħul, jidher li l-iktar nies sinjuri qed iħallsu perċentwal inqas ta’ taxxa. Dan għaliex fl-2013, l-għola 0.001 ta’ dawk li jaqilgħu l-iktar ħallsu 24.1 fil-mija tat-total ta’ taxxi imħallsa, filwaqt li fl-2016 dan l-ammont nieżel għall-22.9 fil-mija.

Prospetti tajbin għal Sony

Investituri qed iħarsu lejn il-kumpanija Ġappuniża Sony b’mod posittiv ħafna grazzi għas-suċċessi li qed tagħmel fil-qasam tal-logħob diġitali, partikolarment dak l-iktar magħruf tas-Sony Playstation.

L-aħħar riżultati jkomplu jikkonfermaw ix-xejra posittiva ta’ din il-kumpanija hekk kif Credit Suisse saħħew il-prospetti futuri tal-ishma ta’ Sony. L-aspettattivi żdiedu b’rata mgħaġġla fl-aħħar xhur tant li l-prezz medju tal-istock fost l-analisti kien ta’ 6,587.27 Jen Ġappuniż. L-ishma ta’ Sony fl-2018 telgħu mat-22 fil-mija.

Kritiċi fil-qasam irrimarkaw li l-mudell li qed jaħdmu fuqu Sony qed iħalli r-riżultati mixtieqa. Dan l-aħħar Sony qed tiffoka ħafna aktar fuq il-kontenut tal-logħob u l-films milli fuq l-elementi tekniċi. Il-qasam tal-logħob għal Sony jammonta għal 24 fil-mija tat-total ta’ dħul tal-kumpanija. Dan kellu tkabbir ta’ 35.6 fil-mija mkejjel sena b’sena fuq it-tlett xhur li jgħalqu fl-aħħar ta’ Ġunju.

Minkejja dan, Sony qed tiffaċċja kompetizzjoni harxa fis-setturi li topera fihom fosthom dak tat-televixins, tal-pjattaformi tal-logħob, l-ismartphones u servizzi diġitali oħra. L-ikbar sfida għal Sony pero’ hija l-kapaċità li se jkollha l-kumpanija fis-snin li ġejjin biex toħloq prodotti li huma ta livell u li jilħqu l-aspettattivi tan-nies.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.