L-Awdituri ta’ Ernst & Young (EY) ġew imqabbda mill-MFSA sabiex isegwu u jagħtu pariri lil Satabank plc wara li saret spezzjoni mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).

Dan tħabbar fuq is-sit tal-MFSA fejn intqal li l-EY ġiet appuntata bħala l-“persuna kompetenti” li tassigura l-governanza tajba u l-kontrolli ta’ Satabank, kif ukoll li jkunu qed jiġu implementati l-miżuri neċessarji biex il-bank jiġe rregolarizzat mar-rekwiżiti tal-MFSA.

Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali ta’ Malta spjega li Satabank huwa bank internazzjonali żgħir b’rabtiet minimi mal-ekonomija domestika. Insista li l-ħatra tal-EY għar-regolarizzazzjoni ta’ dan il-bank turi “d-determinazzjoni qawwija tal-awtoritajiet kompetenti li jipproteġu u jsostnu governanza tajba fis-sistema finanzjarja.”

Fl-4 ta’ Lulju, Satabank kien ġie mmultat €60,500 f’penali amministrattiva mill- MFSA. Il-bank kien naqas milli jikkonforma mal-liġi bankarja dwar l-immaniġġar tar-riskji kif ukoll dwar ksur ta’ regolamenti bankarji u nuqqas ta’ governanza.