Facebook ħassar tliet miljun messaġġ ta’ mibegħda fi tliet xhur bejn Jannar u Marzu, 500,000 aktar mill-istess perjodu is-sena ta’ qabel. Kelliem għall-kumpanija qal ukoll li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-kumpanija neħħiet mal-20 miljun ritratt ta’ nudità tal-adulti.

Facebook, Google u Twitter kellhom iħassru aktar minn 30 miljun post fi tliet xhur wara rapporti ta’ kontenut illegali jew offensiv. It-tlieta issejħu quddiem il-Kumitat Ingliż għax-Xjenza u t-Teknoloġija biex juru kif qed jikkontrollaw il-pornografija onlajn, l-aħbarijiet foloz, id-diskors ta’ mibegħda u l-kontenut terroristiku.

Facebook qal li se jżid l-għadd ta’ moderaturi u impjegati li jaħdmu fuq is-sigurtà tal-kontenut tas-sit, u wiegħed li sal-aħħar tas-sena se jkollu 20,000 ħaddiem li janalizza l-kontenut. Il-kelliem qal li l-kumpanija tieħu bis-serjetà il-kontenut ta’ mibegħda u bullying u tifhem l-effett negattiv ta’ dawn il-messaġġi.

Il-Viċi President ta’ Twitter ukoll qalet li s-sit neħħa mal-miljun account li ppubblika kontenut terroristiku mill-2015, fosthom 275,000 sit fl-aħħar sitt xhur tal-2017. Filwaqt li ammettiet ir-responsabbiltà għal dawn is-siti wissiet li l-ġenituri għandhom iġorru ftit mir-responsabbiltà li jżommu lill-uliedhom ‘il bogħod minn materjal li jagħmel ħsara.

YouTube ukoll mistenni jżid il-ħaddiema għal 10,000 biex janalizzaw il-kontenut. Kelliema qalet li jużaw ukoll sistemi ta’ algorithms li jidentifikaw kontenut illegali u offensiv biex jitneħħa malajr. Qalet li ta’ kuljum jirċievu mijiet ta’ eluf ta’ rapporti ta’ kontenut mhux addattat u fi tliet xhur neħħew 7.7 miljun filmat minn YouTube.

Ġie diskuss ukoll jekk dawn is-siti jgħaġġlux biżżejjed biex iħassru filmati f’kontenut falz f’każ tal-elezzjonijiet.