Mod ġdid ta’ serq bl-użu tal-Internet issa jinkludi theddid b’vidjo li jiħdulek billi jużaw il-kamera tal-laptop tiegħek.

Għandek toqgħod attent minn emejls li tirċievi mingħand nies li ma tafx. Dan għaliex bħalissa qed iduru emejls mingħand kriminali li jsaqsuk tibgħat ammont ta’ flus peress li qabduk tara affarijiet fuq sit adult billi ħadulek vidjo. L-emejl jinkludi wkoll dettalji personali bħal numru tal-mowbajl tiegħek u passwords sigrieti tal-bank u t’affarijiet oħra.

Jhedduk li jekk ma tħallasx jew jekk tgħid kelma fuq dak li qed jiġrilek, l-vidjo se jxerrduh ma’ ħbieb, familjari u kollegi tiegħek. Numri ta’ vittmi ta’ dan il-frodi beżgħu u ħallsu daqs €550.

Avolja kien hemm ħafna rapporti ta’nies li ma tawx każ l-emejl, għad ma kien hemm l-ebda rapporti li l-vidjos intwerew. L-aħjar li tista’ tagħmel huwa li tħassar l-emejl, u ċċempel lill-Pulizija dwar il-każ. Għandek ukoll tinvesti f’antivirus tajjeb li jieħu ħsieb jinfurmak b’emejls jew links li m’għandhomx jingħafsu minħabba problemi fis-sigurtà.