Topspin Table Tennis Academy għadha kif fetħet l-istaġun tal-logħob 2018/2019; liema staġun mistenni jkun iktar impenjattiv mis-snin imgħoddija.

Dan hekk kif ftit ilu, l-Akkademja organizzat l-ewwel ranking tournament tagħha li kien fih l-ogħla numru ta’ parteċipanti li qatt irreġistrat minn kemm ilha li twaqqfet. L-istudenti li pparteċipaw kienu mqassma f’erba’ kategoriji, skont il-livell u l-esperjenza li jġorru. Il-kategorija Gold, li hi l-iktar waħda avvanzata, rat lil Clayton Montanaro jegħleb lil May Zahra fil-finali, biex b’hekk irnexxielu jżomm l-ogħla pożizzjoni fil-klassifikazzjoni tal-Akkademja.

Fil-kategorija Silver, iddominata minn logħba b’saħħitha, Matthew Cassar ħareġ rebbieħ fuq Matthias Ellul. Barra minn hekk, il-kategorija Bronż A ntrebħet minn Damien Navarro filwaqt li Liam Grech rebaħ il-Bronż B.

Fi tmiem it-tournament, waqt il-preżentazzjoni tat-tazzi u l-midalji lir-rebbieħa, il-Kowċ Edward Baldacchino stqarr li filwaqt li jinsab kuntent bil-progress ta’ kull student, jixtieq li dal-progress ikompli jissaħħaħ tul is-snin. Għaldaqstant, l-Akkademja beħsiebha tibqa’ tinvesti fl-istudenti tagħha hekk kif hu maħsub li, fil-jiem li ġejjin, se tilqa’ kowċ ġdid barrani biex jingħaqad mat-tim tagħha.

Apparti hekk, bħalissa Topspin Table Tennis Academy qed tipparteċipa b’għaxar timijiet fil-lig nazzjonali tat-table tennis li jsir kull ġimgħa f’Tal-Qroqq. Hi qed tħabrek biex bħas-sena preċedenti, terġa’ tikseb l-ewwel post f’minn tal-inqas żewġ diviżjonijiet.

Għal iktar tagħrif dwar l-Akkademja u l-attivitajiet marbutin magħha, wieħed jista’ jċempel lill-Kowċ Edward Baldacchino fuq 99470278 jew inkella jżur is-sit, il-paġna tal-Facebook jew Instagram.

Miktub minn: Lara Michelle Camilleri u Matthew Micallef