Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-ebda ħaddiem fl-emerġenza tal-isptar ta’ Għawdex ma ntalab jixhed fil-każ ta’ meta pazjent Għawdxi miet minħabba li l-ħelikopter ma kienx hemm biex jieħdu l-isptar Mater Dei. Sostna li l-inkjesta dwar il-ħelikopter ta’ Steward Healthcare kienet waħda “fażulla” u “cover-up għall-inkompetenza tal-Gvern”.

Newsbook.com.mt kien ivverifika indipendentament li l-ħelikopter tal-isptar ta’ Għawdex ma kienx hemm għall-pazjent.

AQRA: Provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent

Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament fil-Parlament, Said qal li minn meta ħarġet il-konklużjoni tal-inkjesta, li minnha ġew ippubblikati biss ftit sentenzi, kien hemm ħaddiem fl-isptar ta’ Għawdex li kitiblu biex jagħrfu li kien hemm diversi pazjenti oħra li tilfu ħajjithom minħabba negliġenza.

L-inkjesta mmexxija mill-Professur Joseph Cacciottolo ma sabet ebda nuqqas fit-trasferiment tal-pazjent bejn Għawdex u Malta nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu.

Huwa qal li l-Professur Cacciatolo, li nħatar personalment mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex imexxi l-inkjesta, mhux talli ma sejjaħlux biex jixhed fl-inkjesta bħala l-persuna li kixef l-istorja l-ewwel, iżda lanqas għall-ebda ħaddiem mill-emerġenza tal-isptar biex jisma’ mingħandhom x’ġara.

Huwa qal li wisq probabli lill-Professur Cacciatolo ma urewhx il-file tal-pazjent għax kieku fih kien isib li f’żewġ dokumenti kien hemm miktub “helicopter not available”.

Mingħajr ma semma ismijiet, id-deputat Nazzjonalista reġa’ semma l-każ li fih l-eks Ministru Anton Refalo seta’ jgħodda b’waħda meta għadda minn esperjenza simili iżda salva.

AQRA: “Staqsi lill-Onorevoli Refalo kellux il-ħelikopter!” – Chris Said

Said semma kif għal dan is-servizz, il-Gvern qed iħallas €1.2 miljun waqt li Gvern Nazzjonalista kien iħallas biss €800 għal kull vjaġġ. Skont informazzjoni li ngħata fil-Parlament, għal vjaġġi li għamel il-ħelikopter, taħt il-ftehim tal-Gvern Nazzjonalista, kieku dan il-Gvern kien iħallas ftit aktar minn €30,000.

Dakinhar tal-inċident, il-Ġimgħa waranofsinhar, kemm il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, il-Kap ta’ Steward Nadine Delicata u l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex Joseph Fenech ippubblikaw ritratti tal-ambulanza tal-ajru ftit wara l-5pm biex juru li l-ħelicopter kien qed jaħdem.